Barranin
Linja tal-ajru ġdida Taljana tista’ ttir bla ma titgħabba bid-djun tal-Alitalia

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li l-linja tal-ajru ġdida Taljana, ITA, tista’ tibda topera t-titjiriet tagħha bla ma tinżamm responsabbli għas-sussidju illegali li ngħatat mill-istat qabel il-pandemija.

Il-Ġimgħa li għadda, il-Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni Margrethe Vestager ikkonkludiet li l-linja tal-ajru Alitalia u l-linja tal-ajru ġdida li ħolqot, ITA, huma żewġ kumpaniji għalkollox separati. Dan, anki jekk il-linja tal-ajru l-ġdida li hija wkoll kumpanija tal-Gvern, se tiret bosta mill-flotta ta’ ajruplani li għandha l-Alitalia, postijiet fejn kienu jiġu pparkjati l-ajruplani ta’ Alitalia li jiswew miljuni kbar ta’ ewro, u x’aktarx anki l-isem tal-kumpanija.

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni Ewropea ordnat lil Alitalia biex tħallas mad-€900 miljun f’għajnuna illegali li ngħatat mill-istat fl-2017. Madankollu, din it-talba mistennija tibqa’ fl-arja peress li l-Alitalia hija għalkollox falluta.