Lokali
Linji gwida għal min jixtieq jgħin familji vulnerabbli

Fil-ġurnata ddedikata lill-familja, il-Caritas flimkien ma’ Home Economists in Action ppublikaw linji gwida għal min jixtieq jgħin familji vulnerabbli li minħabba l-pandemija jeħtieġu assistenza ta’ emerġenza. L-għan ta’ dawn il-kaxxi b’lista tal-oġġetti varji hu li joffru linji gwida għal min jixtieq jgħin persuni fil-bżonn. L-għan aħħari huwa li jipprovdu pakkett ta’ oġġetti bażiċi għal familji li f’daqqa waħda sabu ruħhom f’qagħda mwiegħra finanzjarja.

F’konferenza tal-aħbarijiet virtwali, id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt qal li Caritas ilha snin taħdem f’dan il-qasam imma bis-sitwazzjoni tal-pandeminja qed tara faxxa ġdida ta’ problemi jfeġġu. Semma l-anzjani li m’għadhomx l-għajnuna minħabba r-ristrizzjonijiet, persuni min pajjiżi barra mill-Ewropa li spiċċaw bla xogħol, ġenituri bi tfal b’abbilitajiet differenti li spiċċaw ma jistgħux jattendu respite centres u skejjel.

Is-sur Gatt qal li Caritas qed tirrispondi għal dawn is-sitwazzjonijiet permezz ta’ helplines, counselling u social work online, tqassim ta’ ikliet fost oħrajn.

Il-Professur Suzanne Piscopo mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni mill-Università ta’ Malta u membru tal-bord tal-amministraturi ta’ Caritas Malta spjegat li l-kaxxi tas-solidarjetà jinkludu mhux biss ikel iżda l-prodotti essenzjali għall-għejxien diċenti fosthom prodotti ta’ iġjene u saħanistra edukazzjoni. Spjegat li dawn il-kaxxi huma maħsuba biex iservu għal ħmistax. Qalet li l-ispiża ta’ kull kaxxa ġiet ikkalkulata fuq 4 tipi ta’ familji bl-iktar spiża ogħla hi fejn hemm tarbija fil-familja.

Id-Direttur tal-Caritas qal li minħabba ċ-ċirkostanzi preżenti dawk li jixtiequ jgħinu huma mħeġġa jagħmlu donazzjoni ta’ flus minħabba l-riskji marbuta għat-tifrix tal-virus.