Enerġija
Liquigas tgħid li ċ-ċilindru f’Ħ’Attard sploda bi sħana minn fireplace

Il-kumpanija Liquigas Malta qalet fi stqarrija li wara inkjesta interna li hi għamlet, ikkonkludiet li ċ-ċilindru li sploda fil-bidu ta’ din is-sena f’Ħ’Attard, sploda minħabba li kien soġġett għal sħana eċċessiva li ġiet minn exhaust ta’ fireplace, u li wasslet għal ħsara fiċ-ċilindru.

Minkejja din il-konklużjoni xorta waħda qed tistenna l-konklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali li għadha għaddeja.

L-inċident seħħ fid-9 ta’ Jannar ta’ din is-sena f’Ħ’Attard għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħaxija, meta instemgħet splużjoni, fejn irriżulta li kien sploda ċilindru. Ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.

Fl-istqarrija tgħid li ċ-ċilindri huma ddisinjati skont standards internazzjonali u jistgħu joperaw bla periklu f’kunfizzjonijiet ta’ ambjent lokali bħas-sħana tas-Sajf. Madankollu qalet li jekk ikun suġġett għall-sħana esterna, dan iwassal għal ħsarat.

Liquigas Malta fakkret lill-klijenti tagħha biex jikkunsidraw fejn iqiegħdu ċ-ċilindri kemm mimlijin, kif ukoll vojta.

Ara wkoll:

ARA: Ċilindru tal-gass jisplodi f’parapett ta’ residenza f’Ħ’Attard