Litanija ta’ dagħa fuq patrol boat

L-għajjat u l-istorbju huma sinonimi ma’ ħafna attivitajiet tal-massa organizzati fil-gżejjer Maltin, karatteristika wara kollox f’ħafna pajjiżi Mediterranji. Meta bħalma jiġri f’ħafna attivitajiet sportivi l-għajjat ikun messaġġ ta’ appoġġ dan jikkumplimenta l-atmosfera sabiħa f’dawn l-avvenimenti. Mhux l-istess jista’ jingħad meta l-għajjat jinbidel f’litanija ta’ dagħa u kliem ħażin.

F’temp sabiħ, nhar Jum il-Vitorja l-Port il-Kbir kien fih għaxqa b’dgħajjes tal-pass u frejgatini kkuluriti jtellqu waqt ir-regatta tradizzjonali segwita minn mijiet ta’ Maltin li taw appoġġ lid-distrett favorit tagħhom. Abbord patrol boat tal-Forzi Armati kien hemm rappreżentanti tas-seba’ klabbs li ħadu sehem biex isegwu mill-qrib, b’uħud minnhom ma naqsux li jinkoraġġixxu lill-qaddiefa tagħhom.

Persuni qrib l-organizzazzjoni tar-Regatta kkummentaw li xejn ma kienet eżemplari l-imġiba ta’ wħud mill-uffiċjali tal-klabbs fuq il-patrol boat saħansitra quddiem il-kap tal-ġurija li kien abbord.  Dan ghaliex f’ċerti mumenti xi uffiċjali tal-klabbs lissnu litanija ta’ dagħa u kliem ħażin.  Waqt l-ewwel tellieqa biss, f’ċerti mumenti uffiċjal ta’ klabb partikulari nstema’ jlissen dagħwa għal kull qadfa.  Dan wara li xi rappreżentanti oġġezzjonaw għall-ordni mogħtija mill-ekwipaġġ tal-patrol boat li m’għandhomx joqogħdu bil-wieqfa iżda jsegwu minn bil-qiegħda jew għarkupptejhom.

Is-suldati abbord dehru imbarrazzati u skomdi b’dan l-atteġġjament midgħi li jikser il-ligi. Wara l-ewwel tellieqa, abbord il-patrol boat ittella’ membru tal-Pulizija. Mhux magħruf jekk il-Pulizija hix se tieħu passi kontra l-imġiba ta’ xi uffiċjali tal-klabbs li nstemgħu jidgħu u jitkellmu ħażin.  Skont il-Kodiċi Kriminali, id-dagħa hu penalizzat f’każ ta’ ħtija minn multa ta’ €11.65 sa piena sa tliet xhur ħabs.

Aħbarijiet Oħra

Għat-tieni darba fl-aħħar ġimgħa, f’temp ta’ 24 siegħa, ġew dikjarati aktar persuni li fiequ mill-virus milli nfezzjonijiet ġodda. L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li fl-aħħar 24 siegħa nstabu 31 każ ġdid ta’…

Il-General Workers Union għandha mal-400 kawża fuq il-kotba tagħha ta’ eks ħaddiema tat-Tarzna, li fetħu kawża għad-danni talli kienu esposti għall-asbestos waqt li kienu qed isewwu l-vapuri. Id-dokumentarju ‘Mewta Siekta’…

Sirjan ta’ 53 sena li jgħix Buġibba, baqa’ miżmum arrestat wara li l-Qorti se tagħti digriet dwar il-ħelsien mill-arrest tiegħu nhar it-Tnejn li ġej. Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, kompla…

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li anzjana ta’ 78 sena mietet waqt li kienet pożittiva bil-Covid-19. L-anzjana kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 l-ewwel darba fil-11 ta’ Awwissu u ġiet ikkonfermata li negattiva għall-Covid-19…

Aktar