Lokali
ll-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi li saru riformi sinifikanti fis-sistema ġudizzjarja Maltija

Fl-ewwel rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt fl-Unjoni Ewropea, ġie rikonoxxut li dan l-aħħar saru ħafna riformi sinifikanti fis-sistema ġudizzjarja Maltija, fil-ħatriet tal-President u l-Kummissarju tal-Pulizija, kif ukoll fi inqas poteri lill-Prim Ministru. Il-Kummissjoni osservat li f’Malta hawn xejra li f’każijiet maġġuri ta’ korruzzjoni ma jinstabux persuni ħatja u stiednet lill-parlament u lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiddiskutu l-analiżi li saret f’dan ir-rapport.

Il-Kummissjoni Ewropea osservat li fl-aħħar xhur saru riformi importanti favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, imnebbħa fost l-oħrajn mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa. Fl-ewwel rapport dwar is-saltna tad-dritt fil-pajjiżi tal-Unjoni Eworpea, il-Kummissjoni nnutat li Malta daħħlet fis-seħħ tibdil fis-sistema ġudizzjarja b’mod partikolari l-proċess għall-ħatra tal-ġudikanti. Isemmi wkoll l-isforzi li saru biex infirdu l-poteri tal-Avukat Ġenerali minn dawk tal-Avukat tal-Istat, tibdil fil-ħatra tal-President, tisħiħ fir-rwol tal-Ombudsman u abbozz ta’ liġi li jillimita r-rwol tal-Prim Ministru fil-ħatra ta’ numru ta’ kummissjonijiet indipendenti.

Fir-rapport fuq Malta, il-Kummissjoni tinnota li x-xejriet ta’ korruzzjoni li ġew żvelati, qanqlu iktar il-ħtieġa għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u biex jiddaħlu riformi għall-ħarsien tas-saltna tad-dritt. Waqt li qalet li Malta bdiet tindirizza n-nuqqasijiet li jeżistu fil-qafas istituzzjonali kontra l-korruzzjoni, il-Kummissjoni qalet li huma ftit il-persuni li qed jinstabu ħatja f’każijiet maġġuri ta’ korruzzjoni. Ir-rapport jinnota iżda li saru riformi fil-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija, it-trasferiment tal-prosekuzzjonijiet mill-Pulizija għal għand l-Avukat Ġenerali, u r-riforma fil-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.

Dwar il-libertà tal-espressjoni, il-Kummissjoni qalet li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġie interpretat bħala attakk fuq il-libertà tal-espressjoni u wriet tħassib fuq l-indipendenza tar-regolatur tax-xandir, il-media taż-żewġ partiti politiċi ewlenin, u t-theddid fil-konfront ta’ ġurnalisti investigattivi b’kawżi legali u online.

Din hija l-ewwel darba li saret analiżi dettaljata tas-saltna tad-dritt f’kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea f’eżerċizzju ta’ skrutinju bbażat fuq erba’ oqsma, kif spjegat il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mill-valuri u t-trasparenza, Vera Jourova.

“Justice systems, anti-corruption frameworks, institional issues related to checks and balances, media freedom and pluralism”.

Il-Kummissarju Jourova qalet li r-rapport jispeċifika aħjar xi tfisser saltna tad-dritt għall-Unjoni Ewropea.

“It includes the principal of constraints of public powers set by law, independent and impartial courts, legal certainty, separation of powers, equality before the law and many more”.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, Didier Reynders qal li dan ir-rapport hu l-bidu ta’ djalogu miftuħ u regolari ma’ kull stat membru bil-għan li jiġu ppreżentati prattiċi tajbin u jiġu evitat sfidi li jistgħu jimminaw il-kultura tas-saltna tad-dritt vera fl-Unjoni Ewropea kollha.