Unjoni Ewropea
ll-MPE Cutajar tistaqsi dwar l-istrateġija għan-negozji żgħar u medji

Bħala n-negozjatriċi ewlenija fuq ir-Rapport dwar l-Istrateġija għan-Negozji Żgħar u Medji, l-Ewroparlamentari Josianne Cutajar għamlet mistoqsija Parlamentari fejn talbet lill-Kummissjoni Ewropea biex tkun speċifika dwar il-passi li jmiss biex tiġi implimentata din l-Istrateġija.

Fi stqarrija maħruġa minn Dr Cutajar, intqal li fl-intervent tagħha talbet spjegazzjoni ta’ kif se jitnaqqsu d-diversi piżijiet li bħalissa qed iħabbtu wiċċhom magħhom in-negozji żgħar u medji, u kif il-Kummissjoni fi ħsiebha tindirizza l-isfidi li qed jaffetwaw il-ħidma u l-kompetittività ta’ dawk in-negozji ibbażati fi gżejjer żgħar bħal Malta u Għawdex.

Fost id-domandi tagħha, l-MPE Cutajar talbet spjegazzjoni dwar kif il-Kummissjoni Ewropea se tiżgura li n-negozji li joperaw mill-gżejjer ma jsibux irwieħhom fi żvantaġġ fil-kompetittività tagħhom minħabba l-fatt li huma inqas konnessi minn żoni oħra fl-Ewropa.

Dr Cutajar saħqet fuq il-ħtieġa li jkun eżaminat minn qabel l-impatt li kwalunkwe reviżjoni tar-regoli Ewropej tal-kompetizzjoni jista’ jkollha fuq negozji f’żoni li diġà huma żvantaġġjati minħabba l-qagħda ġeografika tagħhom.

Hija tenniet l-appoġġ tagħha għal aktar flessbilità fir-regoli ta’ kompetizzjoni li ttejjeb il-qagħda ta’ negozji żgħar u medji li joperaw minn gżejjer u periferiji.

Intant, fl-istess ġimgħa l-Ewroparlamentari Laburista kellha laqgħa mal-Kummissarju Ewropew Margrethe Vestager, fejn fiha ddiskutiet id-diversi żvantaġġi li jgħaddu minnhom gżejjer żgħar.