Lokali
ll-Prosekuzzjoni ssostni mal-ġurati li s-Serb kellu l-intenzjoni li joqtol lil Hugo Chetcuti

Wasal fl-aħħar fażi l-ġuri tas-Serb Bojan Cmelik mixli bil-qtil ta’ Hugo Chetcuti. Matul il-ġurnata tal-lum, l-Imħallef Aaron Bugeja, kompla jindirizza lill-ġurati b’din il-fażi tal-proċess mistennija tiġi konkluża għada. Hu qed ifiehem lill-ġurati l-aspetti differenti tal-liġi Maltija dwar l-omiċidju qabel dawn jibdew jiddeliberaw biex joħorġu bil-verdett.

Aktar kmieni, id-difiża argumentat li l-professjonisti mediċi għandhom parti mit-tort għall-mewt tas-Sur Chetcuti; bil-prosekuzzjoni sostniet li l-azzjoni tas-Serb kellha intenzjoni ċara: dik li toqtol.

Il-ġuri dwar il-qtil tal-imprenditur Hugo Chetcuti beda bħal-lum ġimgħa. Cmelik ta’ 38 sena qed jiġi mixli li f’Lulju 2018 wettaq l-aggressjoni fuq Chetcuti ta’ 52 sena b’daqqiet ta’ sikkina. Jekk jinstab ħati ta’ omiċidju, l-akkużat jista’ jiffaċċa piena ta’ għomor il-ħabs.