Qorti
Lukanda fil-Gżira ma tingħatax permess biex tarma mwejjed u siġġijiet barra

Lukanda li tinsab quddiem il-baħar fil-Gżira ġiet miċħuda l-permess li tarma l-imwejjed u s-siġġijiet barra. Dan minkejja l-argument li nġieb li ħarġu diversi permessi simili fl-istess triq.

It-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva żamm mad-deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet li m’għandux jingħata l-permess biex The Waterfront Hotel Limited tarma l-imwejjed u s-siġġijiet għax se tkun qed tieħu l-ispazju ta’ żewġ parkeġġi u minħabba sigurtà.

It-Tribunal qal li dak li kien permess fil-passat ma jfissirx li huwa permessibbli llum.

Il-Maġistrat Charmaine Galea qal li l-Bord tal-Gvernaturi għandu d-dritt u d-dmir li jirrevedi, dak li fl-opinjoni tiegħu jista’ jkun aħjar, dan sakemm id-deċiżjonijiet ikunu raġenovoli fiċ-ċirkustanzi.

Min-naħa tagħhom is-sidien tal-lukanda qalu li filwaqt li nġab l-argument tal-parkeġġ u s-sigurtà, ma tressaq ebda prova mill-pulizija.

Madankollu, it-Tribunal baqa’ jisħaq li fil-Gżira diġà hemm problema kbira ta’ parkeġġ u m’għandix tkompli tiggrava. Qal ukoll li mhux konvint li b’dak li ġie propost se jkun hemm biżżejjed sigurtà fi triq li hi traffikuża. Għaldaqstant, it-Tribunal ċaħad il-permess li l-lukanda tarma l-imwejjed u s-siġġijiet barra.

Għall-Awtorità tal-Artijiet deher l-Avukat Stefano Filletti, filwaqt li għal-lukanda Waterfront dehret l-Avukat Marouska Debono.