Turiżmu
Lukandi f’Ċipru qed joffru skontijiet għal dawk imlaqqma għall-Covid

Fl-eqqel tas-Sajf, meta Ċipru s-soltu jkun mimli turisti, bħalissa din il-gżira ġara Mediterranja qed titħabat biex tqum fuq saqajha u terġa’ ddawwar ir-rota. Krew ta’ TVM kien Ċipru ftit tal-jiem ilu u tkellem ma’ operaturi turistiċi li esprimew iktar ottimiżmu għax-xhur li ġejjin.

Dan hekk kif il-Gvern Ċiprijott introduċa għadd ta’ miżuri biex iqajjem in-negozju, fosthom billi kull min irid jidħol f’xi negozju jew mużew irid juri ċ-ċertifikat tal-vaċċin jew test negattiv tal-Covid, filwaqt li l-lukandi qed joffru skontijiet għal min huwa mlaqqam biż-żewġ dożi.

Il-pandemija tal-Covid-19 ma ħarset lejn wiċċ ħadd, u nfirxet min-naħa għall-oħra tad-dinja. Ċipru ma kienx eċċezzjoni. Toroq li s-soltu f’Lulju jkunu mimlija bin-nies, attrazzjonijiet li s-soltu jkunu mballati bit-turisti, issa jinsabu kważi vojta għal kollox. Fi żjara li għamel krew ta’ Television Malta f’dan il-pajjiż, kien innutat kif il-Covid-19 wassal għal telqa f’din il-gżira Mediterranja u ħalla impatt ħażin fuq l-ekonomija wkoll.

Sophia Charalambos, uffiċjal mill-Ministeru għat-Turiżmu Ċiprijott, spjegat ma’ TVM li bħal Malta, Ċipru jiddependi mit-turiżmu għall-għajxien tal-parti l-kbira ta’ ftit inqas minn miljun ruħ li jgħixu f’dan il-pajjiż. Qalet li minħabba l-pandemija, l-istrateġija ta’ Ċipru għat-turiżmu kellha tinbidel, biex iħajjar iktar liċ-Ċiprijotti jagħmlu turiżmu intern biex iddur ir-rota.

“No one can predict what will happen from now on… we hoped that this summer will be better than last summer, but it has been worse.. we focus mainly in domestic tourism… we hope Cypriots will remain in Cyprus and enjoy their holidays in our hotels. We have a lot of schemes that will help Cypriots. For the winter period we hope it will be better, I don’t know if we will have another lockdown, because cases are increasing every day.”

Sophia Charalambos spjegat li l-Gvern Ċiprijott introduċa għadd ta’ miżuri għaċ-Ċiprijotti u għat-turisti, inkluż Maltin, biex iqajmu n-negozju. Fost il-miżuri, kull min irid jidħol f’xi negozju jew mużew irid juri ċ-ċertifikat tal-vaċċin jew test negattiv tal-Covid. Qalet li l-lukandi qed joffru skontijiet għal min huwa mlaqqam biż-żewġ dożi. Dan fi sforz sabiex kemm jista’ jkun persuni jieħdu t-tilqima, sabiex il-pajjiż jirritorna għan-normalità kemm jista’ jkun malajr.

“If you are vaccinated you are allowed to enter a restaurant, a hotel, an establishment without having a rapid test… if you are not vaccinated then every 72 hours you have to do a test and if you are negative you have a safe pass… and you are allowed to enter those facilities.”

Il-maniġer tal-ikbar ristorant f’Ayia Napa, Michalis Kapilla, qal li l-pandemija kienet sors ta’ frustrazzjoni, speċjalment għall-fatt li r-reġjun ta’ Ayia Napa huwa l-iktar wieħed imfittex fil-pajjiż mit-turisti. Minkejja dan jemmen li wara l-maltemp, ġej il-bnazzi.

“We open one month and we stay home another one month… it was very very difficult.. the people, without work, without money.. who knows what is happening? But slowly, I think it will get better… at least we see some people from some countries, they come… and the Cypriots make their holidays here now.”

Michalis temm jgħid li għandu x-xewqa li jara l-pajjiż lura fuq saqajh u li x-xogħol ma jiqafx. Qal li minkejja li mhux possibbli, għandu l-ħolma li l-Covid tisparixxi, mil-lum għal għada.