Barranin
Lulju l-aktar xahar sħun qatt irreġistrat b’temperaturi għoljin fid-dinja

Xjentisti tal-Unjoni Ewropea qalu li x-xahar li għadda kien it-tielet l-aktar Lulju sħun qatt irreġistrat b’temperaturi għoljin ħafna f’reġjuni mill-Finlandja għall-Istati Uniti. Lulju tal-2019 u tal-2016 biss kienu aktar sħan.

Diversi żoni intlaqtu b’avvenimenti estremi ta’ temp ix-xahar li għadda. Ix-xjentisti huma tal-fehma li dan qed iseħħ kawża tat-tibdil fil-klima, u li t-temperaturi għoljin se jwasslu għal xita aktar qalila. Is-sħana kisret ir-record fl-Istati Uniti u l-Kanada fil-bidu ta’ Ġunju/ Mijiet tilfu ħajjithom u tkebbsu bosta nirien.

Fi Sqallija, pumpiera għadhom qed jikkumbattu n-nirien li qed jinfirxu f’partijiet kbar ta’ Sqallija. Tmien ajruplani qed jieħdu sehem fl-operazzjoni ta’ tifi tan-nar f’mal-40 post differenti fil-provinċji ta’ Palermo u Messina. Numru ta’ djar ġew evakwati qrib Palermo fejn in-nar qed jinfirex f’ħakka t’għajn minħabba r-riħ qawwi u t-temperaturi għoljin.

Fit-Turkija wkoll għaddejjin sforzi biex jintfew nirien li ħakmu z-zona qrib il-power station ta’ Kemerkoy. Helikopter u ajruplan tefgħu l-ilma u l-Ministru tal-Enerġija Tork qal li malli jkun possibbli terġa tibda taħdem il-power station. Kawża ta’ dawn in-nirien mietu tmien persuni u nqerdu għadd ta’ siġar waqt li 36,000 Torok u turisti ġew evakwati mill-post.

Nar ukoll fit-Tramuntana ta’ California, iwassal biex residenti jiġu evakwati/ Skont id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’California n-nar qered 278,000 ettaru ta’ art. S’issa ġew evakwati 6,600 persuna minħabba li l-awtoritajiet għadu mhux ikkontrollat.