Lokali
Luzzu magħżul biex jipparteċipa fl-Academy Awards

Il-film Luzzu ġie magħżul mill-Malta Academy Selection Committee għall-94 edizzjoni tal-Academy Awards biex jikkompeti fil-kategorija tal-International Feature Film.

Il-film Luzzu tad-direttur u kittieb Malti Amerikan, Alex Camilleri, irnexxielu jikseb reazzjonijiet pożittivi u rebaħ għadd ta’ premjijiet prestiġjużi f’festivals internazzjonali, fosthom Sundance.

Luzzu huwa film li jirrakkonta l-istorja ta’ Jesmark, sajjied Malti li qed jipprova jgħajjex lill-familja tiegħu, martu u t-tarbija ta’ ftit xhur billi joħroġ għas-sajd bil-luzzu tradizzjonali tiegħu.

Is-sajjied żagħżugħ jirrappreżenta ġenerazzjonijiet ta’ sajjieda u tradizzjonijiet marittimi li għaddew għandu mingħand qrabatu.Iżda l-ħajja fuq il-baħar mhix faċli, u s-sitwazzjoni ta’ Jesmar tkompli tiggrava wara li l-luzzu tiegħu jibda jagħmel l-ilma u jrid josserva regoli iżjed stretti fl-isfond ta’ eko-sistema staġnata u provvisti limitati tal-ħut. Meta ibnu jibda jiffaċċja diffikultajiet biex jiżviluppa fiżikament, iċedi għall-pressjoni, u jagħżel triq iżjed faċli imma iktar perikoluża, b’operazzjonijiet illeċiti li jrendulu dħul finanzjarju ogħla.

The Academy of Motion Picture Arts and Sciences tistieden lil kull pajjiż biex jagħżel film għall-kategorija Best International Feature Film. Nhar il-21 ta’ Diċembru mistennija jitħabbru 15-il finalist. Imbagħad fis-27 ta’ Marzu f’Los Angeles jitħabbar ir-rebbieħ tal-94 edizzjoni tal-Academy Awards.