Annimali
‘Ma hemm l-ebda evidenza xjentifika li l-annimali jinfettaw lin-nies bil-COVID-19’

Il-Kummissarju ġdida għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina temmen li saru passi ta’ ġgant fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali fl-aħħar snin iżda hawn bżonn ħafna iktar impenn biex jiġu implimentati l-liġijiet. Hi xejnet rapporti li l-annimali jinfettaw lin-nies bil-Covid-19, u appellat biex wieħed jagħti kas il-fatti qabel ixerred diċeriji bħal dawn għax iwasslu għall-abbużi.

Minn attivista għall-ħarsen tal-annimali, Alison Bezzina ġiet fdata bir-rwol ta’ kummissarju għall-ħarsien tal-annimali. Stqarret ma’ TVM li hija ħerqana li fl-irwol ġdid tagħha se jkollha l-kompetenza li tikkonkretizza l-għarfien, l-imħabba u l-passjoni għall-annimali f’ħidma favur il-ħarsien tagħhom.

Alison Bezzina qalet li l-qafas leġislattiv li jassigura l-ħarsien tad-drittijiet tal-annimali tjieb b’mod konsiderevoli fl-aħħar snin u l-liġijiet Maltin huma fost l-aħjar li hawn fl-Ewropa. Qalet iżda li għad fadal xi jsir kemm fl-infurzar u anki fit-tkattir tal-għarfien fost il-pubbliku dwar dan is-suġġett.

“We’re almost there, il-problema hija l-infurzar… mill-esperjenza tiegħi bħala attivista dejjem kellna problema bir-riżorsi li għandek bżonnn biex tinfuza l-liġi li diġà qiegħda hemmhekk, inti għandek bżonn inspections u riżorsi biex titla’ l-qorti, biex tiġri wara dak li jkun, jekk trid tinforza liġi fejn per eżempju jekk m’intix iżomm l-annimal sew nieħudulok, irid ikollok spazju fejn tqiegħdu, jekk ma għandix spazju ma nistax ninfurzaha dik il-biċċa tal-liġi”.

Dwar iż-żoos, il-kummissarju qalet li taqbel mal-pożizzjoni tal-kummissarju ta’ qabilha, Denis Montebello, u temmen li l-annimali m’għandhomx ikunu sfruttati għall-użu u l-pjaċir tal-bniedem.

Qalet iżda li la qed ngħixu f’soċjetà fejn dan diġà seħħ, l-irwol tal-Uffiċċju tal-Kummissarju hu li jassigura li jkun hemm titjieb fil-kwalità ta’ ħajja u ċ-ċirkustanzi li jgħixu fihom dawn l-annimali bl-inqas moħċrija possibli.

“Ibbażat fuq dan ir-rapport qed jippruvaw isiru emendi għald dik il-liġi biex inkomplu nsaħħu l-pożizzjoni ta’ din il-liġi, din il-liġi bħalissa qiegħda fuq public consultation u nħeġġeġ lil pubbliku biex jieħdu sehem u jiktbu l-opinjoni tagaħhom biex dawn iż-żoos issa la qegħdin hawnhekk almenu jkunu regolaarizzati bl-aħjar mod possibli”.

Dwar jekk l-annimali jittrasmettux il-Covid-19 kif allegaw xi rapporti fil-media, hija qalet li dawn huma allegazzjonijiet bla bażi dwar dan is-suġġett. “Assolutament ma hemm l-ebda evidenza xjentifika li dan huwa minnu, ovvjament hemm il-fatt li dan l-annimal huwa surface jiġifieri bħal siġġu u mejda… kellna min abbanduna kelba f’bitħa u ma temgħahiex għax bdiet tibża tersaq lejha sidha għax bdiet tibża li se ttiha l-covid”

Hija appellat lil dawk li adottaw xi annimali waqt il-perjodu tal-Covid-19 minħabba li kellhom jew għad għandhom iżjed ħin fuq idejhom biex ma jabbandunawhomx meta tkun għaddiet il-pandemija.