Lokali
Ma jafx fejn se jgħix . . . mingħajr ikel u ħwejjeġ – ex priġunier

Il-libertà jfittixha kulħadd, iżda għal ħafna priġunieri l-mument li joħorġu mill-ħabs mhuwiex faċli.

Roderick Brincat li qatta’ ħames snin u nofs f’ċella stqarr li kif ħareġ, spiċċa ma jafx fejn se jgħix, mingħajr ikel u ħwejjeġ. Is-sitwazzjoni tant ma kinitx faċli li f’mumenti reġa’ xtaq li jidħol il-ħabs. It-tama tiegħu hi li bl-arti li tgħallem fil-ħabs, isib għajxien aħjar.

“L-aħħar flokk tahuli ħabib tiegħi għax għedtlu se mmur il-Belt. Qalli ħa tidher tajjeb. Dik xi ħaġa sabiħa. B’hekk nilbsu. Qed tifhem?” Mistoqsi jekk kellux x’jilbes, Roderick iwieġeb: “Le. Dejjem in-nies ituni.”

Roderick Brincat ilu 7 snin li ħareġ mill-ħabs. Għadu mingħajr dar u jbati l-ġuħ. “Spiċċajt f’sitwazzjonijiet fejn kelli niekol anke ovvjament ikel tal-qtates.”

Jammetti li spiss jiġih il-ħsieb li jikkommetti reat ieħor biex jerġa’ jidħol il-ħabs, għax qal li għall-anqas hemmhekk għandu fejn jiekol u jorqod.

“Toħroġ miċ-ċella u tgħidlu sir. Iddoqq il-qanpiena. Toqgħod dritt. Tgħidlu sir. Tkun taf li qiegħed hemm. Dik hi r-raġuni. Tkun taf li inti hemm. Nies bħali jintilfu fis-sistema. Fhimt. B’hekk jinqerdu.”

Jistqarr li mit-tfulija, ħajtu ma kinitx faċli. “Dejjem kien hemm problema f’ħajti b’nuqqas ta’ flus. Tgħix b’€2. Kafè biss. Każini. Nies joffrulek kafejiet, u taf int… Qatt ma kelli xejn bil-Malti. Dejjem tiġi użat.”

Beda jabbuża mid-droga. “Kont nitfa’ l-labar f’sieqi. Nittaqqab il-ħin kollu. Ninqered… Tant tispiċċa li tħossok waħdek li tibqa’ sejjer lura. Waħdek. U tispiċċa vera waħdek. Tispiċċa ma tafda lil ħadd.”

Roderick kien weħel il-ħabs, fost oħrajn, fuq serq u aggressjoni. “Kien post fejn jien irriformajt ruħi sew.”

Jiftakar il-mument li ħareġ mill-ħabs, u għall-ewwel darba, rikeb il-karozzi tal-linja. “Qbadt nidħak. Smajt il-karozza titkellem. Għalija kienet xi ħaġa ġdida. Jiena niftakar il-karozzi l-antiki.”

Roderick sab ruħ tajba li offrietlu post biex jesebixxi l-pitturi tiegħu. L-arti tgħallimha l-ħabs. “Nixtieq li nagħtihom donation għal min għandu bżonn u nixtieq nagħti tnejn oħra l-ħabs.”

Iqis il-pitturi, li qed jesebixxi f’dar fil-Belt, daqslikieku wliedu. “Inqatta’ ħafna sigħat magħhom. Indum sigħat ukoll noħloqhom. Għalija kollox.”

Roderick, li għandu 32 sena, qed jittama li l-pitturi jgħinuh ifaddal u jiftaħ kont tal-bank għall-ewwel darba f’ħajtu, bl-għan aħħari li jkollu saqaf fuq rasu.

Roderick stqarr li ddispjaċih ta’ li għamel, u qed jitlob biex jingħata ċans ieħor f’ħajtu. “Nista’ ngħid li kont iblah għax nammettiha. Kont iblah. Forsi peress li qatt ma kelli dak il-punt ta’ riferiment f’ħajti.”