Lokali
Ma jaqblux li l-kuċċiera jonqsu bin-nofs

L-Għaqda tal-Kuċċiera tal-Karozzini mhux taqbel mal-proposta li saret mis-Soċjetà għall-Protezzjoni u l-Kura tal-Annimali li jonqsu bin-nofs il-kuċċiera billi jingħataw kumpens finanzjarju sabiex iċedu l-liċenzja tagħhom.

Kuċċiera li tkellmu ma’ TVM qalu li din hija proposta inġusta u jixtiequ li ż-żewġ naħat jiltaqgħu biex jiddiskutu s-sitwazzjoni tagħhom, speċjalment meta bħalissa x-xogħol huwa kajman minħabba n-nuqqas ta’ turisti kawża tal-pandemija.

Il-kuċċiera tal-karozzini mhux jaqblu mal-proposta tas-Soċjetà Maltija għall-Protezzjoni u l-Kura tal-Annimali, l-MSPCA li qed jgħidu li nofs il-kuċċiera għandhom jingħataw somma flus mingħand il-Gvern biex jirrinunzjaw il-liċenzja li tippermettilhom isuqu l-karozzini.

Il-President tal-Għaqda tal-Kuċċiera tal-Karozzini, Kevin Debono qal li se jsejjaħ laqgħa mill-aktar fis possibbli għall-membri. TVM tkellem mas-Sur Debono u l-kuċċier Richard Attard li spjegaw għala qed jopponu din il-proposta għax qalu li qed iħossuha inġusta mal-kuċċiera tal-karozzini li ilhom sena u nofs kważi wieqfa għalkollox minħabba n-nuqqas ta’ turisti li qed jiġu Malta.

Il-President tal-Għaqda tal-Kuċċiera tal-Karozzini ta’ Malta, Kevin Debono qal: “Min irid ineħħilna l-permess min għax ix-xemx irid ineħħina minn ġot-triq. Aħna għandna dispjaċir kemm aħna l-kuċċiera u l-familji tagħna kollha.”

Il-kuċċier Richard Attard qal: “Jien nistenna li minflok jagħmlulna dawn il-proposti. Ejjew ħa ningħaqdu flimkien magħhom għax aħna nixtiequ nitkellmu magħhom dawn in-nies.”

Is-Sur Debono qal li mindu reġgħu bdew jaħdmu wara li fetaħ l-ajruport fil-ġimgħat li għaddew, il-kuċċiera fil-Belt illum qed jagħmlu medja ta’ vjaġġ wieħed jew tnejn fil-ġimgħa. Mistoqsija jekk fiċ-ċirkostanzi u anke fid-dawl tal-ispejjeż jaqbillhomx jibqgħu jagħmlu dan ix-xogħol, iż-żewġ kuċċiera wieġbu: IVA.

“Għalina, min iħobb iż-żiemel u min iħobb it-tradizzjoni Maltija iva. Aħna rridu li karozzin kien ħaj tul ta’ snin u aħna l-kuċċiera li qegħdin illum għadna żgħar u rridu nżommuh b’saħħtu.”

Is-Sur Attard qal li kull żiemel jiswieh tal-inqas €200 fix-xahar biex iżommu. Dan minbarra t-tobba, il-mediċini, u prodotti oħra biex iżomm liż-żwiemel f’kundizzjoni tajba.

“Jien skola ma nafx, però bil-karozzin naf naħdem. Naf nitkellem mat-turisti dejjem irranġajt. Jien mhux kapaċi mmur xogħol ieħor. Dan għalija xogħli jien jekk jeħduli dan, għalija jkunu ħaduli kollox.”

Il-President tal-Għaqda tal-Kuċċiera tal-Karozzini qal li kull kuċċier għandu l-card li tagħtih aċċess biex jisqi l-ilma liż-żwiemel – speċjalment f’dawn il-ġranet sħan – biż-żwiemel tal-karozzini jistkennu taħt ix-xelters jistennew li jdawru lit-turisti.