X

Ma jibqax ħati li ttraffika l-ecstasy għax kien interrogat bla avukat

Raġel li kien ikkundannat sitt xhur ħabs wara li nstab ħati li ttraffika d-droga 15-il sena ilu, kellu l-verdett mibdul mill-Qorti tal-Appell, li ma sabitux ħati tar-reat.

Godfrey Galea ta’ 48 sena kien ġie akkużat li f’Ġunju tal-2003 u fix-xhur ta’ qabel biegħ l-ecstasy, kif ukoll li kellu fil-pussess tiegħu din id-droga f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

F’Ottubru 2015 huwa nstab ħati tal-akkużi mill-Qorti tal-Maġistrati, u kien ikkundannat sitt xhur ħabs u multa ta’ €800. Huwa madanakollu appella mis-sentenza u sostna li ma kellux jinstab ħati għaliex kien ġie interrogat bla avukat.

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, ikkunsidrat li Galea kien inqabad mill-Pulizija bi 23 pillola suspettata ecstasy waqt attività f’Ta’ Qali, iżda dawn il-pilloli qatt ma ġew eżaminati biex ikun stabbilit li kienu tassew ecstasy.

Il-Qorti qieset li l-prosekuzzjoni kienet ħadet passi kontra Galea sitt snin wara li nqabad, u l-uniku prova kontrih kienet l-istqarrija li ta lill-pulizija meta ġie interrogat snin qabel mingħajr assistenza legali.

Il-Qorti tal-Appell għalhekk laqgħet it-talbiet ta’ Galea u lliberatu minn kull ħtija.

RA :