Stejjer Umani
“Ma jiddispjaċini xejn u ma nbiddlu ma’ xejn”

Raħħala żagħżugħa stqarret ma’ TVM li minkejja x-xogħol iebes f’razzett tal-baqar ma tbiddel xogħolha ma xejn. Michelle Azzopardi tkellmet ma’ TVM dwar l-isfidi li jġib miegħu x-xogħol tagħha u appellat biex in-nies japprezzaw is-sagrifiċċji tar-raħħala li xemx u xita jridu jibqgħu jaħdmu biex jipproduċu prodotti friski u ġenwini.

Razzett tal-baqar fil-limiti ta’ Ħal Qormi hu l-post tax-xogħol ta’ tfajla ta’ 29 sena/ Michelle Azzopardi tqum u torqod fir-razzett għax hi raħħala fuq bażi full-time.

”Issa ilni 13-il sena f’dan ix-xogħol. U ma jiddispjaċini xejn. U ma nbiddlu ma’ xejn.”

Mat-tlugħ ix-xemx it-tfajla tisbaħ fir-razzett biex taħleb 140 baqra. Il-baqar jerġgħu jinħelbu waranofsinhar.

”Qishom arloġġ il-baqar. Allura qiegħda għal qalbi. Jien jekk nara għeġla hekk, irrid naraha baqra.”

Ma tiddejjaqx turi li hi raħħala.

”Lili ma taffetwanix. Għax hu xogħli. Anki pereżempju ġieli noħroġ bil-boots. Ma niddejjaqx.”

Ma timmaġinahiex tagħmel xogħol ieħor.

”Ippruvajt ta. Imma qisu dan ix-xogħol jgħidli għalfejn se titlaqni? Qiegħda ġo fija.”

Mingħajr ommha iżda ma tagħmel xejn.

”Jien omm. Omm b’tifla bi bżonnijiet speċjali. Jirrikjedi iktar ħin mat-tifla. Għandi ommi tgħinni. Allaħares ma kinitx hi għax iżżommli t-tifla.”

It-tfajla appellat biex in-nies japprezzaw is-sagrifiċċji tar-raħħala li xemx u xita jridu jibqgħu jaħdmu.

”Ta’ barra mhux frisk. Dan qed ngħidu f’inqas minn 24 siegħa se jkun fuq il-mejda tal-kċina. Ta’ Malta.”

Missierha kuntent li bintu telgħet fl-għaġna tiegħu anke jekk ħafna jistagħġbu li taħdem bħala raħħala.

”Lanqas xejn. Mhux kulħadd żewġ idejn għandu?”

It-tfajla tħossha kburija li hi bint ir-raħħal u trid tqatta’ għomorha taħleb il-baqar.