Kronaka
Ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest wara li nqabad b’1.5kg droga u żewġ armi

Cliff Borg ta’ 35 mill-Mosta ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti mixli bil-pussess ta’ kilo u nofs kannabis f’ċirkostanzi li juru li kienu se jiġu ttraffikati. Fil-Qorti ntqal li kienu biżżejjed biex jagħmel 7,000 joint.

Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, l-Ispettur Justine Grech qalet li Borg ġie arrestat wara li l-Pulizija rċeviet informazzjoni dwar negozju relatat mad-droga u ftit tal-jiem ilu ntlemaħ jarmi basket li kien fih id-droga. Spjegat li fid-dar tal-akkużat instabu żewġ armi mhux liċenzjati u oħra fil-karozza tiegħu.

Cliff Borg wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u permezz tal-avukati tiegħu Franco Debono u Mario Camilleri talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Il-Maġistrat Clarke ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien u ordnat li jiġu ffriżati l-assi tal-akkużat minħabba li l-akkużi huma relatati ma’ traffikar ta’ droga