Propjetà
“Ma jistax ikun bniedem twaqqagħlu daru u qisu mhu xejn”

Il-familji ta’ Gwardamanġa li xahrejn ilu spiċċaw barra fit-triq wara li ġġarraf il-bini tagħhom waqt xogħol ta’ skavar, iħossuhom li spiċċaw minn ġot-taġen għal ġon-nar, mhux biss għax għadhom ma jistgħux jirritornaw fi djarhom, iżda anke għaliex spiċċaw joħorġu l-flus minn buthom u ma jafux jekk hux se jiġu kkumpensati.

“Irridu nafdaw lill-istess nies. Lill-istess perit, lill-istess kuntrattur. Mhux faċli tafda lill-istess nies li qalulek li se jieqfu qabel,” stqarret Janet Walker.

“Kif inhuma għaddejjin l-affarijiet m’għandi fiduċja f’ħadd jiena. Qed jgħaddi ħafna kull ġurnata li tgħaddi biex iberrduha. Aħna rridu li xi ħadd li jkollu s-saħħa u jippuxjahom lil dawn in-nies,” qalu Raymond Brincat u Martin Gatt.

Dawn huma uħud mill-kummenti ta’ qtigħ il-qalb minn uħud mir-residenti, li xahrejn ilu spiċċaw b’ta’ fuqhom senduqhom wara li l-blokka ta’ appartamenti li kienu jgħixu fiha fi Gwardamanġa ġġarrfet.

“Qabel konna ngħixu komdi u issa ħadd mhu qed jgħix komdu. Jien għandi ħafna skariġġ anki biex immur għax-xogħol. Żidt l-iskariġġi,” tenna Martin Gatt.

Ir-residenti għadhom ma jistgħux jidħlu fi djarhom. “L-affarijiet għadhom hemm ġew. Kollox qed jimmoffa. Riħa ta’ mejtin għandi ġewwa,” qalet Janet.

“Li kissirli ħadhom ukoll. Qabad il-gaffa mingħajr ma naf xejn jien u ħa kollox lil hemm,” saħaq Raymond.

L-ispejjeż baqgħu jiżdiedu. “Jien bħala familja għandi kontijiet fuq €2,000. Jien mill-ewwel kelli nixtri walker ta’ ommi minn ħanut hawnhekk għax waqgħetli mal-ewwel. Jien ommi tuża l-wheelchair,” qalet Janet.

“M’għandniex kontroll tal-flus kif qed jintefqu. Irridu nixtru dik. Hemm dak nieqes. Dak nieqes,” qal min-naħa tiegħu Martin.

“Barra l-petrol li qed nonfoq iżjed biex niġu hawn u mmur. Qabel kont noqgħod hawn u nħalliha hawn il-karozza. Issa tiela’ u nieżel,” kompla jgħid Raymond.

Ir-residenti stqarrew li l-kumpanija tal-assikurazzjoni tal-iżvilippatur qed tfittex ix-xagħra fl-għaġina magħhom. “L-ewwel qalulna ġemmgħu l-irċevuti kollha. Issa m’ilux qalulna li ċerti rċevuti mhux tajbin. Qattajna nofshom l-irċevuti.”

“Qed jipprova jfarfar kemm jiflaħ u l-istorja qed ipinġuha – għalhekk qed iħallu ż-żmien jgħaddi – biex tibred, tibred u forsi nibdlu fehmitna,” sostna Raymond.

Għalkemm għandhom kliem ta’ tifħir għall-Awtorità tad-Djar li sabitilhom post fejn joqogħdu, ir-residenti stqarrew li jixtiequ jirritornaw f’darhom.

“Ma nistax nibqa’ ngħix hemm għax jiena 3 sulari għandi biex il-mara titla’ tonxor il-ħwejjeġ fuq il-bejt u jien għandi familja ta’ ħamsa, jiġifieri trid taħsel kuljum. Toqgħod titla’ 3 sulari kuljum xi 4/5 darbiet kuljum, mhux sabiħa,” qal Martin.

Raymond Brincat baqa’ trawmatizzat bl-inċident tant li kull darba li jisma’ ħoss jaħseb li se jċedi kollox. “Ma jistax ikun jiġi bniedem, twaqqagħlu daru, toħorġu minn hemm, titfgħu fi trawma, bla flus u xejn lanqas jaf x’se jagħmel u qisu mhu xejn.”

Bħall-erwieħ fil-purgatorju, ir-residenti qed jistennew l-eżitu tal-inkjesta lil Television Malta huwa infurmat li dalwaqt ikun magħruf min kien responsabbli għal din it-traġedja.

Aħbarijiet Oħra
Partit Nazzjonalista

Waqt żjara fix-xelter tal-YMCA li għandu mat-30 resident, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li r-realtà tal-faqar f’Malta, qiegħda tiżdied minkejja t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. Dr Delia qal li l-Gvern għandu…

Xogħol

Fit-tieni kwart tas-sena, bejn April u Ġunju li għadda, Malta kellha t-tielet l-ogħla rata ta’ sejħiet għal impjiegi fis-suq tax-xogħol. Skont ċifri tal-Eurostat, il-postijiet tax-xogħol li kienu qed ifittxu l-ħaddiema…

Aktar