Lokali
‘Ma jistgħux jgħidulna negattivi l-Oppożizzjoni qed tkun proattiva’ – Il-Kap tal-PN Bernard Grech

F’konferenza tal-aħbarijiet ftit wara li ta tweġiba għall-baġit, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Gvern ma jistax jgħid li l-Oppożizzjoni hija negattiva għaliex il-grupp parlamentari Nazzjonalista qed joħroġ b’ideat ġodda għan-nuqqasijiet li hawn fil-pajjiż.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma kif t-tim ta’ azzjoni li twaqqaf ftit wara li nħatar Kap Nazzjonalista elenka diġà seba’ proposti biex titrażżan il-pandemija.

Dr Grech tkellem ukoll dwar il-viżjoni ekonomika tiegħu li qal taħseb mhux biss għall-preżent iżda wkoll għall-futur. Qal li din hija msejsa fost oħrajn fuq l-ambjent, il-kwalita tal-ħajja, ż-żgħażagħ, it-talent uman, pagi diċenti, patt soċjali ġdid, pjan għall-għawdex u n-nisa.

Mistoqsi minn Television Malta x’miżuri differenti mill-Gvern kien jinkludi fil-baġit biex juri iktar kuxjenza soċjali, Dr Grech semma l-ġlieda kontra l-faqar u l-akkomodazzjoni soċjali.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet ingħata rendikont tal-100 proposta li għamlet l-Oppożizzjoni fid-dokument ta’ qabel il-Budget b’rakkomandazzjonijiet immirati li jindirizzaw oqsma differenti fosthom għall-ambjent, l-ekonomija, is-saħħa u l-edukazzjoni.