Lokali
Ma jsibux darhom wara l-isplużjoni – jitkellmu r-residenti tan-Naxxar wara l-inċident ta’ 10 snin ilu

Bħal-lum għaxar snin ilu l-kalma fin-Naxxar inkisret bi splużjoni qawwija f’żona residenzjali li ħasdet il-ħajja ta’ żewġ persuni.

Is-sit fejn seħħet l-isplużjoni għadu mimli ħaxix ħażin waqt li r-residenti li ġew affettwati spjegawlna li minkejja t-trawma kbira li għaddew minnha rnexxilhom jibnu mill-ġdid djarhom u ħajjithom għalkemm għalihom mhux kollox huwa ward u żahar.

Bħal-lum għaxar snin ilu, minn garaxx mimli logħob tan-nar illegali fi Triq Ħal Dgħejf in-Naxxar, seħħet splużjoni qawwija li regħdet raħal sħiħ u waqqgħet tliet idjar.

Sid waħda mid-djar li waqgħu fl-2008, Vickie Bugeja qalet “qisu xi pajjiż fejn kien hemm il-gwerra għax l-anqas kien jingħaraf hawn”

Tessie Bonavia li salvat mit-traġedja tan-nar fin-Naxxar fl-2008 qalet “dak il-ħin hawn stat ta’ gwerra kien – jien qatt ma rajt bħalu dak il-bini kollu mwaqqa”

Riżultat tal-isplużjoni mietu żewġ persuni, sid il-garaxx Pawlu Camilleri ta’ 47 sena, u Sina Sammut ta’ 35 sena omm ta’ żewġt itfal li kienet għadha kif rritornat id-dar mix-xirja.

F’waħda mid-djar li waqgħu kien hemm tfajla ta’ 15-il sena, Rachel Bugeja.

Rachel Bugeja li salvat mit-traġedja tan-nar fin-Naxxar qalet  “għalija 10 snin u 10 snin ħajja ġdida.” Ommha, Vickie, qaltilna li mid-dar kollha salva biss ritratt tagħha.

Vickie Bugeja qalet ”il-bambin ħallilna t-tifla u kull ma ħallilna r-ritratt tagħha”

Rachel tgħid li għadha ħajja għax seħħew tliet mirakli fosthom li s-saqaf tal-kamra tagħha fejn kienet rieqda kien iġġarraf u strah fuq il-gwardarobba li kienet ilha f’kamartha 15-il ġurnata biss. Iżda mhux biss.

Rachel Bugeja qalet “bdejt nipprova ninżel mal-ġebel li kien hemm tad-dar li kien waqa’ kollox u kif eżatt nieżla fix-xifer kien hemm tliet iknatan ippruvajt naqbiżhom u qbadt il-high tension wire tad-dawl u ma tanix xokk l-anqas u kif eżatt ħriġt tar il-vann tiegħu u ħabat ma’ faċċata.”

Il-vann spiċċa fid-dar ta’ Charlie u Bernardette Bellia li b’xorti tajba ħadd minnhom ma kien id-dar.

Charlie Bellia qal “kienet traġedja kbira imn’Alla ma konniex għax li konna hawn ma konniex noħorġu għax id-dar tagħna damet tliet ijiem taqbad”

Bernardette Bellia qalet “kieku kont hawnhekk kieku żgur mhux qiegħda hawn jien.”

Illum fit-triq m’hemmx ħjiel tal-isplużjoni għajr biċċa art mhux mibnija fejn kien hemm il-garaxx bil-logħob tan-nar u li llum hi miżgħuda ħaxix ħażin, bir-residenti jfissruha bħala monument tal-mewt u memorja kiefra ta’ inċident li jixtiequ m’esperjenzaw qatt.

Edward Bugeja  qal “għax x’ħin niftakar li ġejt bil-ħwejjeġ u l-għada m’għandhix x’nilbes u l-anqas uliedi ma kellhom x’jilbsu ħadd. Il-ħajja tgħallmek li inti trid tiġġieldilha jekk ma tiġġildilix tikkrolla”

Vickie Bugeja qalet  “mad-diżgrazzja kellha grazzja kbira għax ħallieli t-tifla u minn dakinhar ngħid kemm hi sabiħa l-ħajja għax x’jiswa li jkollok.”

Tul dawn l-għaxar snin, il-familji Bugeja u Bellia rnexxilhom jerġgħu jibnu d-djar tagħhom li fi kliemhom mhux tagħhom għal kollox għaliex għadhom għaddejjin b’taqbida legali biex id-djar ma jibqgħux b’ipoteki li qed jorbuthom milli jbigħu jew itellgħu sular ieħor.

Aħbarijiet Oħra
Għawdex

F’Għawdex tnieda servizz ta’ emerġenza ġdid għall-pubbliku li se jopera wara l-ħinijiet tal-uffiċċju, fi tmiem il-ġimgħa kif ukoll fil-btajjel pubbliċi. Dan is-servizz, li beda fuq inizjattiva tal-fergħa Għawdxija tal-Fondazzjoni għal…

Annimali

F’dan iż-żmien tas-sena ħafna jsibu ħin biex jagħmlu atti ta’ imħabba jew solidarjetà mal-oħrajn. Artista Franċiża li tgħix Malta ddeċidiet li ttella’ wirja b’pitturi biex bil-flus li tiġbor mill-bejgħ tagħhom,…

Mużika

Il-kunċert tal-President għas-Sena l-Ġdida se jżomm mat-tradizzjoni u jsir fl-Epifanija fis-6 ta’ Jannar f’Dar il-Mediterran għall-konferenzi l-Belt. Il-kunċert b’kollaborazzjoni ma’ Festival Malta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jsir b’risq…

Kronaka

L-awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jinvestigaw il-mewt ta’ priġunier Malti ta’ 26 sena li nstab mejjet. Television Malta jinsab infurmat li l-priġunier neħħa ħajtu. Fi stqarrija maħruġa mill-Faċilità Korrettiva…

Aktar