Politika
“Ma kienx hemm u-turns” – Bernard Grech dwar l-għażliet tiegħu għax-shadow cabinet

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, xejjen rapporti fil-midja li għamel u-turns meta ġie biex jaħtar il-kelliema fix-Shadow Cabinet il-ġdid. Intervistat fil-programm Insights fuq Television Malta, Dr Grech qal li jaqbel li jkun hemm diskussjoni dwar il-legalizzazzjoni tal-ħaxixa rikreattiva, l-ewtanasja u l-prostituzzjoni filwaqt li appella lill-Gvern biex jindirizza l-inkwiet li għaddejjin minnu nies minħabba l-liġi tal-kera.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, qal li r-reshuffle fil-Grupp Parlamentari hu parti mit-tiġdid li għaddej minnu l-Partit Nazzjonalista biex iwettaq il-viżjoni tiegħu għall-pajjiż. Fil-programm Insights, Dr Grech ċaħad li kien hemm u-turns min-naħa tiegħu meta ġie biex jagħżel ix-Shadow Cabinet.

“Mhu veru xejn li kien hemm xi ħadd li ħareġ u sabbat il-bieb. Mhu veru xejn. Imma waqt proċess bla dubju fih fażijiet u dak li ġie rrapportat u dak li ħareġ fl-aħħar mill-aħħar, hu r-reshuffle sħiħ kif ridt inħabbru. Jiġifieri ma kienx hemm u-turns min-naħa tiegħek? Ma kienx hemm u-turns.”

Mistoqsi dwar is-sehem tal-Avukat Louis Galea fir-reshuffle, Dr Grech qal li dan ma kienx involut. Dwar is-sehem ta’ Ray Bezzina, qal li dan hu wieħed mill-persuni li qed jgħinuh f’ħidmietu.

Dwar il-fatt li Kristy Debono taħdem mal-Awtorità tal-Logħob u nħatret kelliema għall-Ekonomija u Gaming, minkejja li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, qal li f’karigi bħal dawn jista’ jkun hemm kunflitt ta’ interess, Dr Grech qal li jrid jagħti opportunità lil kull min irid jaħdem.

“F’dan il-każ inti qed issemmi li jista’ jkollha kunflitt ta’ interess u allura taqtgħalha saqajha jew ma tħallihiex biex hi taħdem fil-qasam li jista’ jkun jew li jien jidhirli li hi kapaċi, naħseb li hi politika jew stil ta’ politika żbaljat.”

Mistoqsi jekk Adrian Delia ġiex offrut kariga, Dr Grech qal li Dr Delia jrid jibqa’ jaħdem għall-Partit iżda ma riedx jintrabat ma’ settur wieħed. Dwar il-qasam soċjali, Dr Grech appella lill-Gvern biex jindirizza l-inkwiet ta’ diversi nies li qal għaddejjin minn problemi fosthom minħabba l-liġi tal-kera.

“Dawk il-persuni li huma inkwetati għax inqatgħet kawża kontrihom fil-Qorti, u li allura se jitkeċċew mid-dar tagħhom, u allura mid-dar mikrija lilhom. U allura dawk is-sidien li huma rrabjati għaliex għandhom dar li ilha ħafna snin mhux għandhom u ma setgħux igawduha, u jridu jmorru l-Qorti biex jieħdu dik id-dar minħabba liġijiet inġusti.”

Dwar il-legalizzazzjoni tal-ħaxixa rikreattiva u l-ewtanasja, Dr Grech qal li jeħtieġ li jkun hemm diskussjoni anki nazzjonali filwaqt li dwar il-prostituzzjoni Dr Grech qal li l-vittmi għandhom jingħataw l-għajnuna meħtieġa.