COVID-19
“Ma kontx qed nemmen sakemm ħaddantu miegħi” – tabib Taljan li fieq mill-COVID-19

Kien eżatt bħal dan iż-żmien sena meta fl-Italja bdew ifeġġu l-ewwel każi tal-coronavirus f’raħal żgħir fit-tramuntana tal-pajjiż li għandu popolazzjoni daqs ta’ San Ġwann f’Malta. Speċjalista tan-nifs Taljan jirrakkonta b’għafsa ta’ qalb kif kien qed jibża li l-virus se joħodlu ħajtu, iżda llum iħares b’ottimiżmu lejn l-iktar affarijiet sempliċi f’ħajtu, fosthom li jħaddan lil ibnu tarbija.

Kull darba li Francesco Tursi jgħolli lil ibnu ta’ sitt xhur Antonio fl-arja u jerġa’ jaqbdu, jirrealizza li kien f’riskju kbir li ma jesperjenzax wieħed mill-isbaħ mumenti bħala missier.

Fil-21 ta’ Frar tas-sena li għaddiet, l-ispeċjalista tal-mard tan-nifs fl-isptar tar-raħal żgħir ta’ Codogno kien spiċċa bla mistenni jara l-ewwel pazjent fl-Italja li ttestja pożittiv għall-COVID-19. Ir-raħal b’popolazzjoni ta’ 15,000 resident spiċċa l-kapitali tal-ewwel żona fl-Ewropa li spiċċat f’lockdown totali.

Codogno u għaxar irħula oħra fir-reġjun tal-Lombardija spiċċaw l-agħar milquta fl-Italja u ġew iżolati mill-kumplament tad-dinja. F’ħakka t’għajn, l-isptar fl-istess raħal ma setax ilaħħaq mal-vittmi tal-COVID u l-professjonisti tas-saħħa ma kienux jafu minn fejn se jibdew.

“Spiċċajna minnufih mgħarrqa mingħajr ma kellna ċans naħsbu b’pazjenti li ma setgħux jieħdu n-nifs, u dan litteralment bidlilna ħajjitna”.

Fl-ewwel ġimgħa kważi elf persuna kienu nstabu pożittivi għall-virus u 20 persuna mietu. Tursi li għandu 47 sena beda jesperjenza għejja kbira u wara beda jħoss uġigħ kbir f’sidru. Kien nstab pożittiv għall-coronavirus u ntbagħat għall-kura fi sptar f’Milan.

“Ħassejt id-dinja taqa’ fuqi” stqarr Francesco.

Waqt li l-għadd tal-mejtin bil-virus kompla jiżdied, l-ispeċjalista qal li l-virus beda joqtlu minn ġewwa u kif fl-1 ta’ April irritorna għax-xogħol l-Italja kollha kienet f’lockdown għax il-virus kompla jinfirex fir-reġjuni kollha.

Meta marad bil-COVID, martu Valentina kellha 5 xhur tqala u stqarr li dak iż-żmien beża’ li l-virus kien se joqtlu u qatt ma kien jara lil ibnu. F’Lulju, martu welldet u għamlitu missier għall-ewwel darba.

“Meta rajt lil Antonio, għax ma kontx qed nemmen sakemm ħaddantu miegħi, erġajt ħadt ir-ruħ”.

Sena wara, iċ-ċkejken Antonio issa għandu 6 xhur u nofs waqt li Francesco Tursi għadu jagħti kura lill-persuni pożittivi bil-COVID. Jgħid li jinsab determinat li jkompli jgħix għal ibnu, għal martu u għall-pazjenti kollha. “Voglio vivere…pazienti”.