Lokali
‘Ma ninsewx il-passat tagħna u l-Maltin li telqu ‘l barra, illum qegħdin nagħtu assistenza lil dawk li qed jiġu fostna’

“Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” hi r-referenza għall-Maltin fil-ġrajja tan-nawfraġju ta’ San Pawl kif insibuha fl-Atti tal-Appostli.

Probabilment kien f’dan l-ispirtu li nhar l-10 ta’ Frar ta’ ħamsin sena ilu tqiegħdet l-ewwel ġebla ta’ Dar l-Emigrant, fil-Belt. Dan il-proġett tal-Knisja ħaseb biex ikun ta’ spalla għal eluf ta’ Maltin li emigraw fis-snin wara t-Tieni Gwerra Dinjija u llum qed ikun ta’ appoġġ għal realtà opposta: l-immigrazzjoni.

Il-Kummissjoni Migranti tal-Knisja għandha direttur ġdid, li hu saċerdot u avukat.

Ħamsin sena ilu, biswit il-Barrakka ta’ Fuq fil-Belt tpoġġiet l-ewwel ġebla ta’ Dar l-Emigrant. Għall-fundatur tal-Kummissjoni Emigranti – Monsinjur Philip Calleja – din hi monument dejjiemi ta’ ġieħ lill-eluf ta’ Maltin li fis-snin ta’ għaks li segwew it-Tieni Gwerra Dinjija ħallew art twelidhom għal ġejjieni aħjar f’pajjiżi bħall-Awstralja, l-Amerika u l-Kanada.

Imwaqqfa fil-bidu tas-snin ħamsin, il-Kummissjoni Emigranti għarfet is-sinjali taż-żmenijiet u mir-realta’ tal-emigrazzjoni adattat il-ħidma tagħha għall-immigrazzjoni. Minn Dar l-Emigrant kienet u għada ta’ spalla għal mijiet ta’ persuni li sabu kenn f’Malta.

Id-direttur il-ġdid tal-kummissjoni, Dun Anton D’Amato, spjega li għal din ir-raġuni, din l-entita’ tal-Knisja llum qed tissejjaħ Kummissjoni Migranti biex tirrifletti aktar ir-realtà tal-lum.

“Filwaqt li ma ninsewx il-passat tagħna u lil dawk il-Maltin li telqu ‘l barra, illum qegħdin nagħtu assistenza akbar lil dawk li qed jiġu fostna allura qed niftħu u nkunu aktar inklussivi fil-mod kif naraw il-ħidma tagħna.”

Il-Kummissjoni Migranti għandha erbatax-il residenza li fihom tagħti kenn lil għexieren ta’ immigranti minn diversi nazzjonijiet/ Toffri wkoll għajnuna legali u soċjali, kif ukoll bżonnijiet ta’ kuljum bħal ikel, ħalib ta’ trabi u mediċini.

“Nagħtu dawn l-assistenzi b’xejn u bil-mod il-mod se nipprovaw li ntejbu l-ħidma tagħna biex iktar u iktar ngħinu lill-persuna tintegra u ssib saqajha, issir aktar indipendenti u tkun tista’ tgħix b’iktar dinjità l-ħajja tagħha fostna l-Maltin.”

Il-viżjoni ta’ Dun Antom fl-irwol il-ġdid tiegħu fit-tmun ta’ din il-Kummissjoni hi ispirata mill-erba’ verbi li l-Papa Franġisku juża’ biex jispjega l-ħidma tal-Knisja fost l-immigranti: li tilqa’, tippromwovi, tipproteġi u tintegra.

“Jekk kellhom bżonn jaħarbu minn pajjiżhom jekk kellhom bżonn jitilqu minn pajjiżhom għal diversi raġunijiet illum li jinsabu fostna aħna ngħinuhom kemm nistgħu biex dawn jgħixu ħajja diċenti, ħajja indipendenti u li fl-aħħar mill-aħħar tkun qed tagħti kontribut lis-soċjetà Maltija.”

Dun Anton żied jgħid li flimkien ma’ entitajiet oħra fi ħdan il-knisja, bħas-Segretarjat tal-Parroċċi u l-Caritas, il-Kummissjoni se tniedi intrapriża soċjali bil-għan li tikkordina aħjar il-ħidma fost dawk l-aktar fil-bżonn.