Lokali
“Ma nistax noħlom li ibni jkollu l-virus”

Il-pandemija tal-Coronavirus biddlet il-ħajja tan-nies f’leħħa ta’ berqa. Din il-bidla iżda kienet iktar diffiċli għall-persuni bl-awtiżmu li jsibuha iktar iebsa biex jibdlu r-rutina tagħhom f’daqqa.

Fil-Jum Dinji tal-Awtiżmu, omm ta’ tlitt itfal bl-awtiżmu stqarret li jkexkixha l-ħsieb uliedha jimirdu bil-Coronavirus għax ikun diffiċli biex tispjegalhom li probabbilment se jkollhom joqogħdu ‘l bogħod mill-familja.

Valerie Brincat hi omm ta’ tlitt itfal bl-awtiżmu. Stqarret li ma kinitx faċli tfehemhom li ħajjithom se tinbidel mil-lejl għan-nhar minħabba l-Coronavirus. Uliedha sabuha diffiċli jifhmu li x-xogħol tal-iskola jridu jagħmluh mid-dar.

”Inħolqot ċertu ansjetà min-naħa tagħhom u aħna ovvjament nippruvaw inżommu kalmi u nfehmuhom bl-iktar mod sempliċi x’qed jiġri.”

Uliedha qalbhom maqsuma għax ma jistgħux jiltaqgħu man-nanniet.

”Dawn litteralment il-ħin kollu għand ommi u missieri. Issa dak sfaxxa fix-xejn. Qegħdin id-dar il-ħin kollu u iktar kelli problema biex infehemhom li dawn ma jistgħux imorru jaraw in-nanna u n-nannu.”

Valerie Brincat ilha tliet ġimgħat ma toħroġ ma’ wliedha.

”Ma nistax noħlom li ibni, speċjalment ibni, ikollu l-virus. Kif se tfehmu fuq it-trattament u ma jistax jara lill-familja tiegħu?”

Binha dera r-rutina tad-dar u ommu mħassba x’se jiġri la terġa’ tiftaħ l-iskola. Tal-istess ħsieb il-ġenituri li esprimew it-tħassib tagħhom mal-Assocjazzjoni tal-ġenituri tat-tfal bl-awtiżmu.

”Xtaqt li forsi nkisser dik ir-rutina u nlibbislu daqsxejn ħwejjeġ li jilbes għal barra imma rrifjuta.”

Fil-Jum Dinji tal-Awtiżmu, il-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu nnota li dan iż-żmien huwa iktar diffiċli għall-persuni bl-awtiżmu. Fi stqarrija, il-Kunsill qal li wara li tgħaddi l-pandemija se jniedi dokument li se jkompli jinsisti fuq l-inklużjoni tal-persuni bl-awtiżmu.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Konsulent ewlieni tal-ġenetika jemmen li fi żmien ġimagħtejn oħra l-coronavirus jekk nibqgħu attenti jaf jisparixxi minn Malta. Il-Professur Christian Scerri qal li issa li se jitneħħew aktar miżuri restrittivi, importanti…

Pulizija

Iż-żgħażagħ Andre’ Mifsud u Kelsey Bugeja huma fost is-sitta u erbgħin rekluta li bdew taħriġ intensiv fl-akkademja tal-forzi dixxiplinati biex iservu bħala kuntistabbli. Oħrajn se jingħataw iċ-ċans japplikaw f’sejħa li…

COVID-19

Lura għan-normalità, iżda fadal xi ftit miżuri li se jibqgħu fis-seħħ fosthom il-limitazzjonijiet fl-operat tad-diskoteki li huma l-kalamita speċjalment għal ġenerazzjoni żagħżugħa. Organizzaturi ta’ festini mfittxija minn eluf f’Malta qalu…

COVID-19

Inqas minn ġimgħa mill-budget addizzjonali li l-Gvern ser iressaq nhar it-Tnejn, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ltaqa’ mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali biex flimkien taw ħarsa lejn…

Aktar