COVID-19
Ma nistgħux nerġgħu nibdew nitgħannqu u nieħdu b’idejn xulxin

Minkejja li ġew illaxkati xi miżuri u n-numru ta’ każijiet ta’ Covid-19 jidher li baqa’ stabbli, is-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci saħqet li ma nistgħux immorru lura għal ċertu użanzi li kellna, bħat-tgħanniq jew li nieħdu b’idejn xulxin.

Għall-mistoqsija ta’ TVM rigward l-ibbukkjar ta’ farmhouses u vilel, speċjalment f’Għawdex, Prof Gauci sostniet li għadu mhux żmien li familji jitħalltu ma’ familji oħra, u allura min imur vaganza f’dawn il-postijiet għandu jmur biss mal-familja tiegħu.

Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti b’rabta mal-pjani ta’ pajjiżi oħra, Prof Gauci fakkret li f’Malta qatt ma konna taħt lockdown bħal pajjiżi oħra, ħlief li żammejna ġewwa lill-anzjani u nies vulnerabbli. Qalet li f’Malta rnexxielna nikkontrollaw is-sitwazzjoni u nżommu n-numri stabbli għax l-awtoritajiet ħadmu skont l-evalwazzjonijiet tar-riskju.

Prof Gauci qalet li għalhekk il-miżuri jiġu llaxkati wara li jkunu saru dawn l-evalwazzjonijiet u ġew ikkunsidrati l-kriterji kollha, u indikat li wieħed ma jistax jispekula minn qabel fuq liema miżuri se jiġu rtirati u meta se jinfetħu ċertu stabbilimenti. L-istess fid-dawl tal-ivjaġġar, fejn Ryanair ħabbret li se terġa’ tibda ttir minn Lulju.

Fir-rigward tal-iskejjel, qalet li l-atoritajiet tas-saħħa qed jaħdmu mal-awtoritajiet edukattivi fuq pjan kif jistgħu jerġgħu jiftħu l-iskejjel u miżuri ta’ mitigazzjoni li jridu jittieħdu, iżda dawn huma biss tħejjijiet għal meta naslu fil-punt li l-iskejjel ikunu jistgħu jinfetħu mill-ġdid.

Ara wkoll:

3 każijiet ġodda ta’ Covid-19 f’Malta, anzjan ħareġ mill-ITU