Lokali
“Ma rridux nibqgħu nidhru fuq il-bottijiet tal-karità biex in-nies jitħassruna”

Żgħażagħ bid-Down Syndrome stqarru li ma jridux jibqgħu l-wiċċ fuq il-bottijiet tal-karità biex in-nies jitħassruhom u jagħtu l-flus għall-karità. F’seminar bit-tema ‘L-Opinjoni Żagħżugħa Tgħodd’, dawn iż-żgħażagħ appellaw biex is-soċjetà tagħraf iktar il-ħiliet tagħhom filwaqt li esprimew ix-xewqa li jieħdu sehem fi programmi fuq l-istazzjon nazzjonali.

Is-sehem tal-persuni bid-Down Syndrome fis-soċjetà kien taħt il-lenti waqt seminar organizzat mill-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, bit-tema ‘L-Opinjoni Żagħżugħa Tgħodd’.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tad-Down Syndrome, Joanne Xerri, appellat lis-soċjetà biex tħares lejn il-ħiliet tal-persuni b’diżabilità fosthom billi jingħataw opportunità li jieħdu sehem fi programmi fuq l-istazzjon nazzjonali.

“Aħna nixtiequ li l-ewwel nies ma jiġux użati dejjem in-nies b’diżabilità jew biex nitħassruhom jew biex niġbru l-flus. In-nies b’diżabilità jiġu jidhru biex juru kemm huma worth it u kemm għandhom abbiltajiet. Mhux biex jiġu pitied u jitħassruhom.”

Fis-seminar iż-żgħażagħ ingħataw l-opportunità li jistaqsu domandi dwar l-entitajiet li huma parti mid-dekasteru tal-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fosthom ix-Xandir Pubbliku, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali, l-Aġenzija Servizzi Ewropej u l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.

“Dawn il-laqgħat huma importanti ferm għax permezz tagħhom aħna bħala żgħażagħ u għaqdiet, insemmgħu leħinna fuq ix-xewqat u l-interessi tagħna mhux rigward is-settur taż-żgħażagħ biss imma setturi oħrajn biex aħna noħorġu bil-fehmiet tagħna ta’ x’nixtiequ naraw fil-pajjiż li mhux sempliċi jibqgħu kliem fuq il-karta imma jsiru realtà.”

Aaliyah Bonello, Membru tal-Komunità Sależjana fl-Isla qalet: “Jien laqgħat bħal dawn narahom importanti għax tinstema’ l-opinjoni taż-żgħażagħ u aħna qed insemmgħu leħinna wkoll, u fl-Isla nixtieq li jkun hemm iktar postijiet fejn aħna ż-żgħażagħ nistgħu mmorru u nħossuna li qegħdin qalb iż-żgħażagħ.

Waqt li wieġeb għad-domandi taż-żgħażagħ, il-Ministru Carmelo Abela qal li ż-żgħażagħ għandhom sehem importanti fis-soċjetà fosthom biex il-proposti tagħhom jingħataw widen u jitfasslu mill-Gvern għall-ġid tal-pajjiż.

“L-ideat u l-ħsibijiet nitkellmu fuqhom. Mhux dejjem se naqblu imma finalment nieħdu deċiżjonijiet li huma importanti għal-lum u huma wkoll iktar importanti għal għada fejn iż-żgħażagħ ċertament li se jkunu impattati għax nemmen fermament li huma l-preżent imma naturalment l-iktar se jintlaqtu fil-futur.”

Il-Ministru Abela appella liż-żgħażagħ biex ikunu l-aġenti tal-bidla fil-pajjiż.