Qorti
Ma sabux qattus fuq xiex jisparaw u minflok laqqtuha l-immigranti

L-Ispettur Keith Arnaud fil-Qorti qal kif mill-investigazzjoni nstab li Lorin Scicluna kellu erba’ armi tan-nar reġistrati f’ismu fosthom waħda tad-9 millimetri. Qabel ħadu lil Lorin id-Depot, il-Pulizija marru sad-dar tiegħu u minn taħt is-sodda ġew elevati l-armi reġistrati f’ismu inkluż dak ta’ 9 millimetri. Instab ukoll munizzjoni li kien ta’ ditta differenti minn dawk li nstabu fix-xena tar-reat.

Qabel kellmu lill-akkużat, il-Pulizija kellimu lit-tfajla ta’ Lorin li qaltilhom li fil-weekend jaħdem f’pastizzerija sal-10pm. Qalet li jkun l-aktar mal-ħabib tiegħu Francesco Fenech u ma’ wieħed ċertu Jason minn San Ġiljan. Hija kkonfermat li dak inhar tad-delitt ma kinetx ma’ Lorin għax kienet ma’ oħta ċ-ċinema u huwa kien nieżel għandha aktar tard wara l-11pm.  Qalet li lil Lorin kienet tgħidlu biex ibiddel l-attitudni tiegħu dwar l-immigranti – huwa kien jgħid  li dawn jiġu Malta u jippretendu li jikkmandaw huma. Qalet ukoll li ġieli nzertaw immigrant iħares lejhom u Lorin imur fuqu jistaqsih jekk hemmx problema. Qalet li sieħbu Francesco wkoll ma kellux grazzja mal-immigranti.

L-Ispettur Arnaud kompla jixhed li dakinhar tad-delitt innotaw li bejn il-10.40pm u l-11.15pm, l-attività taż-żewġ mobiles tal-akkużati kienet wieqfa – jew mitfijin jew ma kellhomx reception. Il-Pulizija jemmnu wkoll li qabel id-delitt, iż-żewġ akkużati kienu flimkien Ħ’Attard.

Kompla jgħid li l-ewwel statement li ħadu ta’ Lorin kien fis-17 ta’ Mejju filgħaxija fejn għażel li jkollu avukat miegħu. L-Avukat Jason Azzopardi kien preżenti għall-interrogazzjoni kollha.

Fl-ewwel stqarrija tiegħu, Lorin ċaħad li kien involut f’dan id-delitt

Fl-ewwel stqarrija, Lorin Scicluna qal li kien f’Marzu 2018 meta beda xogħol fl-armata u ma kienx jaħdem mal-immigranti. Huwa kien jaħdem mit-Tnejn sal-Ġimgħa mal-Armata u Sibtijiet u Ħdud kien jaħdem f’pastizzerija li għandha diversi ħwienet madwar Malta. Dak inhar tad-delit kien xogħol sa xi l-10pm fil-pastizzerija ta’ Ħ’Attard u miegħu bħal drabi oħra kien hemm Francesco Fenech.

Fl-ewwel stqarrija, Lorin ċaħad li kien involut f’dan id-delitt u beda jgħid li m’għandux x’jaqsam iżda mbagħad, qal li darba fil-bidu ta’ Frar, kien sellef il-karozza li xi ħadd, qatt ma rah qabel, xi Sirjan, biex jiltaqa’ mat-tfajla u offrilu €1,000. Qal li aċċetta u meta rritornalu l-karozza din kienet bil-windscreen imkisser bla number plates u bil-mera mkissra wkoll. Qal li dak inhar tad-delitt l-istess raġel reġa’ ġie jitolbu l-karozza u tagħha ried jagħtih €2,000. Lorin qal li dak inhar kien sejjer ix-shooting range u l-arma li kien se jispara biha kienet diġà fil-karozza, iżda l-karozza sellifielu xorta.

L-Ispettur Arnaud qal li ma kienx qed jemmen lil Lorin u meta ppressawh, dan qalilhom li kien se jgħidilhom il-verità. Qalilhom li kien ma’ Francesco Fenech li ġie arrestat għall-ħabta tal-11.30am fit-18 ta’ Mejju.

Saqu lejn il-barracks, ma sabux qattus fuq xiex jisparaw u minflok saqu lejn it-Triq tal-Ġebel

Lorin Scicluna stqarr li dak li qal fl-ewwel stqarrija kienet gidba u qal li kien hu l-persuna li saq il-karozza fit-Triq tal-Ġebel u miegħu kien hemm Francesco Fenech. Qal li lil Francesco sar jafu mill-armata meta għamlu r-reklutaġġ flimkien. Dak inhar ma kienx se jiltaqa’ mat-tfajla u bħal drabi oħra ltaqa’ ma’ Francesco. Qal ukoll li ġieli marru flimkien jisparaw fuq għasafar u qtates u dak inhar tas-6 ta’ Aprill kienu ftehmu li jmorru biex jisparaw qattusa ħalli jaraw kif tagħmel meta jisparawlha. Qal li saqu lejn il-barracks u ma sabux qattusa u minflok saqu lejn it-Triq tal-Ġebel.

Qal li kif kienu għaddejjin, innota li Francesco kellu l-arma ikkargata f’idejh u x’ħin għaddew minn quddiem Cisse, li kien miexi, spara żewġ tiri. Qal li rrabja ma’ Francesco għax ma emminx li kien se jispara fuq bniedem u Francesco qallu biex jaqtagħha għax anki lilu jispara. Qal li ftit wara kien hemm żewġ immigranti oħra u Francesco spara fuqhom ukoll. Minn hemm huwa saq dritt lejn id-dar.

L-Ispettur Arnaud qal li Lorin urihom l-istess rotta li l-karozza deheret li ħadet fuq il-filmati tas-CCTV, li għadda minnha għad-dar, poġġa n-number plates u tella’ l-arma d-dar u mar ħdejn it-tfajla. Qal li sa dak il-ħin ma kinx jaf li qatlu persuna u sar jaf l-għada mill-aħbarijiet. Qal li ġġieled ma’ Francesco għax daħlu f’waħda u meta semgħu li l-pulizija qed tfittex Toyota Starlet l-għada, ftehemu li jwaħħlu l-mera u jagħmlu l-faxx bit-tape tad-dawl. Qalilhom li l-munizzjon li ntużat fid-delitt remiha l-baħar u mar xtara munizzjon ta’ ditta differenti.

Qal li problemi mal-immigranti fuq ix-xogħol fl-Armata ma kellux imma fil-pastizzerija iva. Lorin semma l-inċident tal-hit and run fil-bidu ta’ Frar meta miegħu wkoll kien hemm Francesco u semma wkoll inċident ieħor meta qabdu ma’ immigrant li kien qed isuq ir-rota u kisruhielu.

Qal li kienu jħobbu jaqbdu mal-immigranti, joffenduhom u għalhekk kienu jgħaddu minn Triq tal-Ġebel. Qal li fi Frar kienu raw immigrant nieżel lejn Birżebbuga, dawn pruvaw iħarsu lejh u dan ma tax kashom. Qal li dawwar il-karozza u f’ħin minnhom waqt li Lorin kien qed jinnavigaw fir-radju u talab lil Francesco jżomm l-istering, Francesco kiser l-istering u tajjar lill-immigrant u hemm inkiser il-windscreen u l-mera.

Ix-xhieda tal-Ispettur Arnaud ġiet sospiża. Il-kawża ġiet differita għal nhar it-Tlieta 28 ta’ Mejju fid-9am.

Ara wkoll:

Għattew lil Lassine b’liżar u baqgħet tinstema’ l-mużika…

Mill-Qorti: Lorin Scicluna u Francesco Fenech qed jiffaċċjaw 14-il akkuża

Aħbarijiet Oħra
Budget

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li r-regoli Ewropej ma jippermettux lil Malta biex tagħmel kontrolli estensivi fil-fruntiera. Huwa rrikonoxxa l-kompetizzjoni inġusta li qed jesperjenzaw in-negozji ż-żgħar minħabba kuntrabandu li jidħol…

Immigrazzjoni

Il-vapur Ocean Viking, operat mill-għaqdiet mhux governattivi SOS Medieranee u Medecins Sans Frontieres, salva 36 immigrant ieħor minn fuq dgħajsa tal-injam li kienet f’diffikultà fl-ibħra Maltin. Kelliema għall-Forzi Armati qalet…

Qorti

Immigrant żagħżugħ ta’ 16-il sena li gidem uffiċjal tad-detenzjoni hekk kif prova jaħrab miċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi jumejn ilu baqa’ miżmum arrestat. Iż-żagħżugħ irnexxielu jiddendel mal-fence taċ-ċentru tad-detenzjoni u…

Kostruzzjoni

Il-President tal-għaqda tal-iżvilupatturi Sandro Chetcuti ikkundana mingħajr tlaqliq ir-rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni f’ambjent naturali u fil-wied tal-Imġarr. Huwa qal li l-MDA għandha ħjiel ta’ minn rema l-iskart tal-kostruzzjoni f’wied fl-Imġarr…

Aktar