Knisja Maltija
Ma sema’ xejn mingħand l-Arċisqof wara li tkellem f’attività ta’ Norman Lowell

Jum il-Mulej bħall-oħrajn għal Dun David Muscat, li fil-jiem li għaddew spiċċa f’kontroversja minħabba diskors tiegħu f’attività privata ta’ Norman Lowell. L-Arċisqof qal li l-Knisja tiddisassoċja ruħha minn fehmiet li esprima s-saċerdot Mosti.

Intervistat minn TVM, Dun David Muscat qal li ma kienx sorpriż bid-dikjarazzjoni tal-Arċisqof u qal li ma kellu ebda kuntatt miegħu fl-aħħar jiem. Saħaq li hemm dikjarazzjonijiet ta’ Lowell li hu ma jaqbilx magħhom, iżda daqstant ieħor jemmen li x-xena politika Maltija għandha tinbidel.

”Stajt għażilt li noqgħod komdu fis-sagristija ma nagħmel xejn, imma għazilt nagħmel mod ieħor.”

Kliem Dun David Muscat barra l-kappella tal-Madonna tal-Isperanza fil-Mosta wara li ċċelebra l-quddiesa tal-Ħadd. Staqsejna lis-saċerdot dwar x’ried ifisser meta f’festin ta’ għeluq snin Norman Lowell qal li s-Sur Lowell “żera’ żerriegħa fil-qlub li se tagħti l-frott ‘il quddiem.” Irreferiena għas-sistema tal-wirt tal-voti fl-elezzjonijiet u qal li l-fatt li 6,000 vot li taw fiduċja lis-Sur Lowell fl-elezzjonijiet Ewropej intilfu twassal messaġġ.

”Wasal iż-żmien li f’Malta ma nibqgħux bil-bipolariżmu tal-partiti imma jidħlu wkoll partiti oħra għax ma jistax ikun nibqgħu sejrin hekk. Dik iż-żerriegħa li nixtieq nara. Li d-dominanza tat-tnejn kbar titneħħa. Xi darba forsi jkun hemm formazzjoni politika oħra li ma nafx kif ħa tkun li tkun differenti.”

Staqsejna lil Dun David Muscat hux tal-fehma li din il-formazzjoni politika għandha tkun immexxija mis-Sur Lowell u jekk hu jagħtix il-barka għal dikjarazzjonijiet tal-mexxej ta’ Imperium Europa.

”Jien għidtlu. Kif nista’ nkun kontra l-Lhud jekk Ġesù, il-Madonna San Ġużepp u l-Appostli kienu Lhud? Jien qassis. Il-ħajja trid tibda mal-konċepiment. Jekk ma taqbilx miegħi ‘we beg to disagree’. Imma dawn il-pożizzjonijiet tiegħi.”

Ma’ Dun David Muscat fil-Mosta kien hemm il-kelliem ta’ Imperium Ewropea, Adriano Spiteri. F’filmat fuq l-internet, Fr David Muscat qal fost oħrajn li l-Maltin spiċċaw barranin f’art twelidhom. F’reazzjoni għal dan il-filmat, l-Arċisqof Charles J. Scicluna kiteb fuq Twitter li l-Knisja tiddisassoċja ruħha mill-opinjonijiet ta’ Dun David. L-Arċisqof qal li ideoloġiji li jinstigaw mibgħeda u diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ razza jew kultura jmorru kontra t-tagħlim tal-Knisja Kattolika.

Qal li l-anqas hu m’għandu ċans jikkuntattja lill-Arċisqof, għaliex bħalissa mħabbat bil-festa tal-Mosta. Dwar jekk il-qassisin għandhomx ikunu parti jew jassoċċjaw irwieħhom ma’ partiti politiċi, Dun David qal li huma marbutin bil-liġi kanonika li tagħmilha ċara li m’għandhomx jieħdu sehem iżda tħallihom jagħtu pariri.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Aktar minn għaxar kumpaniji Maltin li jipproduċu l-logħob diġitali u mis-settur tal-e-sports qed jirriklamaw is-servizzi tagħhom fl-akbar fiera Ewropea tal-video games u e-sports – f’Gamescom fil-Ġermanja. Din hija t-tieni darba…

Parlament

Wara li lbieraħ tħabbret il-mewt ta’ Paul Muscat Terribile, kienu bosta dawk li esprimew sogħba għall-aħbar u sellmu l-memorja tiegħu. Fosthom l-Ispeaker Anġlu Farrugia f’isem il-Parlament, li fakkar fil-kontribut ta’…

Qorti

Sentenza sospiża għal Jordan Azzopardi wara li ammetta akkużi li rċieva apparat elettroniku misruq b’valur ta’ €32,000 bi tpartit mad-droga. Iż-żagħżugħ ta’ 30 sena madankollu għadu miżmum il-ħabs fuq proċeduri…

Kronaka

Inċident ieħor fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem bejn 4 karozzi u mutur. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-15:45 bejn karozza tat-tip Nissan misjuqa minn raġel ta’ 45 sena minn Għajnsielem u mutur misjuq…

Aktar