“Ma stajtx nieħu nifs, ippanikkjajt u għedt ‘jien għal hawn illejla'”

Xeni ta’ paniku l-lejl li għadda fil-mekka tad-divertiment, Paceville, wara li ċeda poġġaman tal-ħġieġ ta’ taraġ fl-entratura ta’ post tad-divertiment. Dan seħħ waqt li għadd kbir ta’ nies fosthom tfal taħt l-età ppruvaw joħorġu f’daqqa mill-klabb. Erbgħa u sebgħin persuna ġarrbu ġrieħi fi gradi differenti. Sittax inżammu għall-kura l-Isptar Mater Dei. Żewġ tfajliet, waħda ta’ tlettax u l-oħra ta’ ħmistax-il sena, jinsabu fit-Taqsima għall-Kura Intensiva. Iż-żgħira tinsab fil-periklu tal-mewt.

Din hi x-xena ta’ kommossjoni li kien hemm f’Paceville għall-ħabta tan-nofs siegħa fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd. Għexieren ta’ żgħażagħ li kienu ħerġin bl-għaġġla mill-istabbiliment ‘Plus One’ waqgħu għal isfel meta ċeda poġġaman tal-ħġieġ.

“Kien hemm ħafna rassa. Kien kwazi ‘fully booked’ il-klabb. Ma stajtx niżfen bil-kwiet. Jien kont quddiem id-dj u f’daqqa waħda nara spazju… għidt ħa mmur niżfen hemm u x’ħin mort ma stajtx nieħu nifs u bdejt nippanikja. Bdejt nara lil kullħadd ħiereġ jiġri ’l barra u tlaqt niġri warajhom. Bdew imexxuna kollha ’l barra u ma stajniex ngħaddu kollha minn taraġ żgħir hekk. Sfortunatament bdew jimbuttaw ħafna u t-taraġ, peress li għandu l-ħġieġ inkiser. Bdew neżlin tnejn ’l isfel u nżilna ’l isfel. Dal-puġġaman ċeda bina u spiċċa kulħadd fuqi”.

Iż-żagħżugħ li weġġa’ dahru qal li ra ħafna oħrajn jgħattu wiċċhom bil-flokk sekondi qabel ma’ ġara l-inċident.

Dak il-ħin x’ħin waqajna mal art, jien kelli mill-qadd ’l isfel nies kollha fuqi, għidt jien għal hawn illejla. Imbgħad nies jgħajtu, b’nies bid-demm, nies mitlufin minn sensihom, ħsibthom mejtin jien, demm mal-art qisu swimming pool…. Imbgħad qisu kien hemm il-bouncer tal-klabb maġenbna u qabadna wieħed wieħed u beda jiġbidna. Qisni qed nara xi film, ix-xena ma nistax niddeskriviha, tat-twerwir,” kompal ż-żagħżugħ.

Il-Ħadd mas-sebħ is-sinjali tal-inċident fi Triq San Ġorġ kienu għadhom evidenti.

Ryan Borg, żagħżugħ ieħor li kien fl-istabbiliment qal: “kien hawn xebgħa konfużjoni, ċemplu l-ambulanza, ipprovaw isalvaw kif jistgħu. Xebgħa ġenn, biki, ma jafux fejn qegħdin sħabhom.”

Dwar l-inċident infetħet inkesta mmexxija mill-Maġistrat Doreen Clarke li trid tistabbilixxi l-fatti kollha fosthom x’wassal biex nies qalu li bdew jaqtgħu nifishom, l-ammont ta’ nies li kien hemm ġewwa, l-etajiet tan-nies ġewwa, is-saħħa tal-poġġaman u ġewx segwiti l-proċeduri f’każi ta’ emerġenza.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne qal li b’kollox weġġgħu 74 persuna u sa kmieni waranofsinhar kien hemm 16-il persuna li għadhom rikoverati f’Mater Dei. Il-ġrieħi kienu jvarjaw minn qatgħat, ksur u ħġieġ f’partijiet tal-ġisem. Żewġ tfajliet jinsabu fit-Taqsima għall-Kura Intensiva.Waħda minnhom li għandha biss 13-il sena tinsab fil-periklu tal-mewt. Hi qed tbati minn ġrieħi f’rasha u ksur f’wiċċha wara li waqgħu fuqha għadd ta’ żgħażagħ oħra. Sitta mill-persuni li ddaħħlu l-isptar ġew operati.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil żaru lill-midruba l-Isptar. Il-Prim Ministru saħaq għal trasparenza assoluta fuq l-inċident.