Lokali
“Ma stħajtx meta kont fil-ħażin, għalfejn għandi nistħi issa li qiegħed fit-tajjeb?”

Priġunier li qed jiskonta l-aħħar sena tal-ħabs fi programm mal-Fondazzjoni RISe stqarr li jinsab ħerqan għall-ħajja ġdida li hemm tistennieh, ladarba ismu ma jibqax imniżżel ma’ ta’ ġewwa f’Kordin.

Qatta’ sbatax-il sena l-ħabs u baqa’ ħaj b’ċikka. Ipprova jneħħi ħajtu għax fi kliemu d-droga ma ħallitlux skop għal xiex jgħix.

Louis Mallia aċċetta li jitkellem għax fi kliemu stess, la ma staħax minn għemilu fil-passat, ma jħossx li għandu joqgħod lura milli jitkellem issa li jemmen li qiegħed fit-tajjeb.

“Jisimni Louis Mallia. Għandi 52 sena. Naħseb qattajt ħafna żmien il-ħabs.”

Louis Mallia trabba f’istitut. Qal li mill-iskola beda jagħmilha ma’ kumpanija ħażina . . . sakemm spiċċa mirkub mill-vizzju tad-droga. Kellu 17-il sena meta ntbagħat il-ħabs għall-ewwel darba.

“Ma kellix vini. Jien qtajt hawnhekk biex ikolli l-vini. Biex niftaħha biex insib il-vina. Dawk għamilthom dawk l-affarijiet. Ara kemm tkun iddisprat.”

Louis Mallia kompla jxellef difrejh mal-ġustizzja. Ir-raġel jistqarr li kien jisraq biex isostni l-vizzju tad-droga. Kien jonfoq il-belli liri biex jixtri d-droga. Reġa’ daħal il-ħabs għax instab ħati ta’ serq.

“Kont nittaqqab anki hawnhekk. Fil-fatt operawni u neħħewli boċċa minn moħħi.”

Maqful bejn l-erba’ ħitan taċ-ċella, ir-raġel stqarr li ħajtu kienet spiċċat. Jgħid li pprova jneħħi ħajtu b’idejh.

“Jien niftakar li qed jagħmilli l-punti t-tabib fiċ-ċella biex ma jeħdunix l-isptar. U żgur li niftakar.”

Dan il-mument se jibqa’ mmarkat għal għomru.

“Nirringrazzja lil Alla pereżempju li kienu wara l-bieb qed jistennewni li se nibbużollotja. Kienu jafu għax kont iddikjarajtilhom bid-dikjarar. Niftakar il-ġurnata. Niftakar il-ħin. Niftakar kollox.”

Ir-raġel ilu 7 snin ma jmiss mad-droga. Determinat li jibqa’ mixi fit-triq it-tajba.

“Irrid nibqa’ għaddej. Jista’ jkun hemm kemm ikun hemm bibien għax se niftaħhom. Żgur. Niftaħhom.”

Staqsejt lil Louis għandux tfal.

“Le. U nirringrazzja lil Alla li m’għandix tfal. Se ngħidlek għalfejn ta. Għax ma rridhomx agħar minni.”

Louis Mallia qed jiskonta l-aħħar sena ħabs mal-Fondazzjoni RISe. Minn hawnhekk beda jagħmel volontarjat mal-Kċina Franġiskana fil-Belt. Issa ilu xahrejn jaħdem fuq bażi full-time f’dan il-post li minnu jiġi servut platt sħun bla ħlas lil persuni vulnerabbli. Ir-raġel intlaqa’ b’idejn miftuħin mill-Franġiskani.

Patri Marcellino Micallef.Direttur tal-Kċina Franġiskana

“Hu bniedem li ma jiġġudika lil ħadd imma jipprova jidħol fiż-żarbun ta’ kulħadd.”

Ir-raġel irid jitkellem fil-beraħ dwar minn xiex għadda ħalli n-nies ma jingidmux mid-droga kif ġralu hu.

“Mela meta kont f’dik il-ħajja, kulħadd iġibni fuq l-aħbarijiet waqt li jressquni l-Qorti. Ma kontx nistħi. Allura issa li qiegħed fit-tajjeb għaliex għandi nistħi?”