Lokali
Ma tintlaqax it-talba biex l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat jingħataw il-maħfra presidenzjali

Il-Kabinett tal-Ministri ddeċieda li jagħti l-parir lill-President tar-Repubblika biex ma jilqax it-talba għall-proklama li għamlu l-aħwa Alfred u George Degiorgio, u Vincent Muscat. Fi stqarrija maħruġa mill-Gvern, ġie spjegat li din id-deċiżjoni ttieħdet b’konformità mal-parir tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Qal li d-deċiżjoni tal-Kabinett mhux biss hija bbażata fuq il-parir tal-istituzzjonijiet relevanti, iżda hija wkoll fl-interess nazzjonali u l-ġustizzja.

Qabel il-laqgħa tal-Kabinett, il-Ministru Carmelo Abela qal li ddeċieda li jirrikuża ruħu, u ddikjara li għamel dan fid-dawl tal-allegazzjonijiet bla bażi mressqa dwaru minn Jason Azzopardi u l-kawża ta’ libell li fetaħ kontra tiegħu. Il-Ministru Abela spjega kif ħa din id-deċiżjoni minkejja li ma hemm ebda raġuni statutorja jew raġuni oħra biex jagħmel dan, iżda biss biex jevita li xi ħadd jixħet suspett ta’ imparzjalità jew dubju fil-ħidma tal-Kabinett.