Toroq
Ma tistax tgħaddi minn Triq tal-Barrani bil-lejl minħabba li se jinbidel il-wiċċ tat-triq

Mil-lejla se jibda x-xogħol ta’ kisi mill-ġdid ta’ parti minn Triq tal-Barrani, fl-inħawi ta’ Bir id-Deheb, iż-Żejtun.  Dan ix-xogħol se jsir matul il-lejl biex jitnaqqsu d-diffikultajiet għal dawk li jgħaddu, jaħdmu jew jgħixu fl-inħawi.

Mil-lejla, u fl-iljieli ta’ wara, din il-parti tat-triq ser tingħalaq miż-żewġ naħat bejn it-8pm u s-6am. B’hekk ix-xogħol ikun jista’ jsir b’inqas periklu għall-ħaddiema. Uffiċjali tal-immaniġġjar tat-traffiku ser ikunu fl-inħawi sabiex jiggwidaw lill-pubbliku lejn rotot alternattivi.

It-Triq tal-Barrani ser tkun miftuħa fiż-żewġ direzzjonijiet matul il-jum, kuljum, mis-6am. Dawk li jivvjaġġaw minn dawn l-inħawi għandhom isegwu d-direzzjonijiet temporanji, fosthom limiti ta’ veloċità mnaqqsa, li qed jiġu murija b’tabelli mal-ġnub tat-triq.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa minn Infrastructure Malta li permezz tagħha ntqal li dawn ix-xogħlijiet ser isiru biex tinbidel il-wiċċ tat-triq bejn il-kisra għal Vjal il-25 ta’ Novembru (li tagħti għaż-Żejtun) u r-roundabout ta’ Bir id-Deheb. Ix-xogħol jinkludi t-tqaxxir tal-wiċċ eżistenti tat-triq sabiex ikunu jistgħu jitqiegħdu diversi saffi ġodda ta’ asfalt.

Infrastructure Malta qed taħdem fuq għadd ta’ proġetti oħra sabiex tkompli ttejjeb il-kwalità, sigurtà u effiċjenza ta’ din ir-rotta ewlenija lejn in-nofsinhar tal-pajjiż.

Aktar tagħrif jew għajnuna dwar dawn ix-xogħlijiet jistgħu jinkisbu minn Infrastructure Malta fuq 2334 1000 jew [email protected].