Lokali
Bejjiegħ jista’ jirrifjuta aktar minn 50 munita tal-istess valur f’pagament wieħed

Fl-Unjoni Ewropea, bil-liġi, kwalunkwe bejjiegħ jista’ jitħallas permezz ta’ 50 munita tal-istess denominazzjoni fl-istess pagament.

Fl-aħħar jiem, każ ta’ raġel li mar iħallas ċitazzjoni li qala’ permezz ta’ muniti tal-1ċ spiċċa l-Għassa tal-Pulizija tan-Naxxar. Filwaqt li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar dan il-każ li spiċċa fuq fomm bosta, kienu diversi dawk li esprimew il-fehmiet tagħhom dwar dak li ġara fuq il-mezzi soċjali.

Uħud, ikkundannaw il-ġest tar-raġel li fi kliemhom ipprova jwaqqa’ għaż-żuffjett lill-ħaddiema tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar. Oħrajn, qalu li anki jekk il-muniti kienu tal-1ċ, il-persuna xorta ħallset l-ammont dovut. Madankollu, minn stħarriġ li għamel dan is-sit jirriżulta li bil-liġi hemm limitu ta’ kemm persuna tista’ tħallas b’munita tal-istess valur fl-istess pagament.

F’kummenti lil tvm.com.mt, kelliema għall-Bank Ċentrali ta’ Malta ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li skont l-Artiklu 11 tar-regolament tal-Kunsill Ewropew numru 974/98 tat-3 ta’ Mejju tal-1998 dwar l-introduzzjoni tal-Ewro “l-ebda parti ma għandha tkun obbligata li taċċetta iktar minn 50 munita tal-metall f’pagament wieħed.”

Ara wkoll:

Mar iħallas ċitazzjoni b’muniti tal-1ċ fil-kunsill u spiċċa l-Għassa tan-Naxxar