Barranin
Ma tistax tirritorna lejn ir-Renju Unit wara li kienet ingħaqdet mal-Istat Iżlamiku

Fir-Renju Unit, il-Qorti Suprema ddikkjarat li Shamima Begum, ma tistax tmur lura l-Ingilterra sabiex tkun tista’ tiddefendi d-dritt tagħha għaċ-ċittadinanza Ingliża.

Ta’ 15-il sena, Shamima Begum ħalliet pajjiżha biex tmur is-Sirja u tingħaqad mal-Istat Iżlamiku. Hija kienet telqet flimkien ma’ żewġ żgħażagħ tfajliet fi Frar tal-2015.  Bħalissa hija tinsab f’kamp fis-Sirja.

Fl-2019, il-Ministeru għall-Intern Ingliż kien irrevokalha ċ-ċittadinanza minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. Madankollu, illum, Shamina Begum li għandha 21 sena, tixtieq tirritorna lura sabiex tikkontesta d-deċiżjoni tal-Gvern.

F’Lulju li għadda, il-Qorti tal-Appell kienet qalet li għandha titħalla tirritorna lura sabiex tappella mid-deċiżjoni tal-Gvern. Dan l-għaliex il-Qorti qalet li ma tistax tiddefendi lilha nfisha mis-Sirja. Min-naħa tiegħu, il-Gvern appella minn din id-deċiżjoni u qal li jekk titħalla tirritorna jkun hemm riskji kbar ta’ sigurtà.

Min-naħa tagħha, il-Qorti Suprema qalet li l-Qorti tal-Appell żbaljat meta argumentat li d-dritt ta’ Shamima Begum li tiddefendi lilha nfisha jirbaħ lis-sigurtà nazzjonali. Għaldaqstant, il-Qorti Suprema ddeċidiet  li t-tfajla ma tistax tirritorna lura fir-Renju Unit.