Lokali
Maċedonjan arrestat f’Malta jingħata l-ħelsien mill-arrest

Goran Stojanovski ta’ 44 sena mill-Maċendonja ta’ Fuq tressaq il-Qorti biex jibdew proċeduri ta’ estradizzjoni fil-konfront tiegħu.

Stojanovski ġie arrestat ilbieraħ mill-Pulizija tat-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali b’Mandat t’Arrest Ewropew. Ir-raġel huwa mfittex mill-awtoritajiet Slovakki biex jaffaċċja akkużi relatati ma’ serq bl-armi kif ukoll fuq kriminalità organizzata.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li r-raġel bħalissa għandu proċeduri kriminali oħra għaddejjin hawn Malta marbuta ma’ serq aggravat.

Il-Qorti ordnat li r-raġel jintbagħat lura lejn l-Islovakkja wara li jitlestew il-proċeduri kriminali hawn Malta.

Dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest il-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba biża’ li jaħrab mill-pajjiż, u li jikkommettti reat ieħor. Il-qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ 1,000 ewro u garanzija personali ta’ €15,000.