Lokali
Madwar 12,000 doża tat-tilqima kontra l-Covid-19 jingħataw f’Għawdex

Aktar minn 60,000 persuna f’Malta ħadu t-tieni doża tat-tilqim kontra l-COVID-19, bl-awtoritajiet tas-saħħa jirrappurtaw li sal-bieraħ ingħataw aktar minn 219-il elf doża.

F’Għawdex, sal-lum ngħataw madwar 12,000 doża, b’4,000 minnhom jingħataw miċ-ċentru ewlieni fir-Rabat li l-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri qal li se jibda jiftaħ ukoll is-Sibt bil-għan li r-rata ta’ tilqim tiżdied għal madwar 500 doża kuljum. Il-Ministru rringrazzja lill-infermiera u l-istudenti universitarjiet u dawk mill-iskola medika ta’ Barts li b’mod volontarju qed ilaqqmu aktar nies.

Intant skont ċifri taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, Malta tinsab fl-ewwel post fl-għoti tat-tilqim u fost ħames pajjiżi biss tal-Unjoni Ewropea li rnexxilhom jilħqu l-mira tal-istess Unjoni li sal-aħħar ta’ Marzu jlaqqmu 80 fil-mija tal-anzjani li għandhom ‘l fuq minn 80 sena.

Minn analiżi taċ-ċifri ppubblikati minn Politico, sa ġimgħa u nofs ilu Malta laqqmet aktar minn 95% tal-anzjani li għandhom iktar minn 80 sena. L-erba’ pajjiżi l-oħra li laħqu l-mira Ewropea huma l-Irlanda, l-Iżvezja, il-Fillandja u l-Portugall. Il-medja fl-Ewropa hija t’anqas minn 60%.

L-analiżi turi li b’aktar minn 35 fil-mija (35.5%), Malta tinsab fil-quċċata tal-klassifika Ewropea fl-għoti ta’ mill-inqas l-ewwel doża tat-tilqim lill-popolazzjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li sa tmiem Ġunju li ġej, aktar minn 92% tal-popolazzjoni Maltija se tkun tlaqqmet kontra l-COVID. Skont l-istess tbassir, l-aktar qrib t’ Malta huma d-Daniżi hekk kif hu mbassar li sa tmiem it-tieni kwart tas-sena, se jkunu tlaqqmu 79 fil-mija.