“Madwar id-dinja hawn mas-750,000 mara tqila li jieħdu d-droga”

Din il-ġimgħa waqt il-programm ‘Gramma’ ngħatat ħarsa lejn l-għadd ta’ nisa tqal mal-erbat irjieħ li minkejja t-tarbija f’ġufhom baqgħu maħkuma mill-vizzju tad-droga.

F’kummenti lil tvm.com.mt il-produttur tal-programm, Clifford Galea stqarr li madwar id-dinja hawn mas-750,000 mara tqila li jabbużaw mid-droga. Qal, li fi xtutna din ir-realtà hija daqstant’ieħor preżenti.

Mistoqsi jekk hemmx raġġ ta’ tama għal dawn l-individwi, is-Sur Galea qal li tajjeb li dak li jkun jitkellem minnufih. Spjega, li f’dan l-isfond teżisti sezzjoni apposta fi ħdan is-Sedqa mmexxija minn Dr Anna Vella li tgħin lil nisa tqal maħkumin mill-vizzju tad-droga biex jintegraw mill-ġdid u ma jħossuhomx aktar ħuta barra mill-ilma.

Is-Sur Galea fakkar li huwa importanti li mara tqila tkun b’saħħitha, tiekol ikel sustanzjuż u żżomm lilha nnifisha trankwilla u b’saħħitha. Żied jgħid, li l-idea li tfajla li tieħu d-droga trid tinqabad tqila biex mingħaliha taqta’ l-vizzju hija żbaljata. Il-produttur qal li idealment tfajla għandha tieqaf tieħu d-droga qabel ma toħroġ tqila.

‘Gramma’ qed jixxandar kull nhar ta’ Ħadd mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali fl-10.30pm fuq Television Malta.