Barranin
Mafjuż li ordna l-qtil ta’ qassis jinħareġ mill-ħabs għax għandu marda terminali

Fl-Italja qamet kontroversja wara li l-awtoritajiet ħelsu mill-ħabs mafjuż li kien ordna l-qtil ta’ qassis minħabba li għandu marda terminali.

Nunzio De Falco (xellug fir-ritratt), li għandu 71 sena, kien qed jiskonta piena ta’ ħabs wara li nstab ħati li fl-1994 ordna l-qtil ta’ Dun Giuseppe Diana, qassis li kien qed jeħodha kontra l-Camorra.

Il-qassis kien inqatel fil-Knisja ta’ San Nikola ta’ Bari ftit qabel kellu jqaddes. Kien De Falco li qabbad lill-qattiel, Giuseppe Quadrano, biex jispara lill-qassis.

Fl-1997 De Falco kien arresat fi Spanja fejn ħarab wara l-imsemmi delitt u fil-preżent kien qed jinżamm fil-ħabs ta’ sigurtà kbira f’Sassari.

L-aħbar li se jinħareġ mill-ħabs minħabba marda terminali urtat lil Marisa Diana, oħt il-qassis.

“Għandu jmut fil-ħabs. Ħija ma mietx imdawwar mill-għeżież tiegħu. Ma kellix il-possibilità ngħannqu. Għaliex għandu jkollu din il-possibilità min ordna l-qtil tiegħu?”, hija qalet.