Barranin
Magħruf ir-rebbieħ tal-ewwel edizzjoni tal-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia

Konsorzju ta’ ġurnalisti investigattivi Forbidden Stories rebaħ l-ewwel edizzjoni tal-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia mogħti mill-Parlament Ewropew. Il-premju ngħata għall-proġett Pegasus f’ċerimonja li saret fi Brussell, ftit jiem qabel għeluq ir-raba’ anniversarju mill-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia. Il-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli, qal li b’dan il-premju l-Parlament irid ifakkar il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-ewwel edizzjoni tal-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu ntrebaħ minn Forbidden Stories għall-Proġett Pegasus. Il-proġett sar mill-konsorzju ta’ 80 ġurnalist investigattivi li jiżvela spjunaġġ fuq ġurnalisti, politiċi, attivisti, negozjanti u oħrajn bi spyware li kien żviluppat mit-teknoloġija Israeljana. Forbidden Stories ilu mwaqqaf sa mill-2017 u għandu aktar minn 30 organizzazzjoni tal-aħbarijiet msieħba madwar id-dinja.

Is-sena l-oħra lista ta’ 50,000 numru tat-telefon ġew mgħoddija lill-konsorzju ta’ ġurnalisti Forbidden Stories bħala parti minn dan il-proġett. Forbidden Stories iħaddan ġurnalisti li l-missjoni tagħhom hi li jkomplu l-investigazzjonijiet ta’ ġurnalisti maqtula, mitfugħin il-ħabs jew mhedda.

Ir-Rappreżentanti tal-Proġett Pegasus sellmu l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia. Huma ingħataw il-premju ta’ €20,000 u trofew kommemorattiv, li huwa xogħol l-iskultur Malti, Noel Galea Bason. Iċ-ċerimonja saret fil-Parlament Ewropew fi Brussell.

Il-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli, qal li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia laqat il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u fil-fehma tiegħu dan il-każ wera li d-drittijiet Ewropej m’għandhomx jittieħdu b’mod leġġer.

“Daphne Caruana Galizia tefgħet dawl fuq kwistjonijiet li oħrajn ħallew fid-dlam. Kellha l-forza li tinvestiga u tindaga fil-fond. Ġurnalista straordinarja u kumbattiva.”

Fil-preżenza ta’ tnejn minn ulied Daphne Caruana Galizia: Andrew u Matthew, il-President tal-Parlament Ewropew saħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati metodi li jikkastigaw b’mod effettiv lil dawk li jxekklu l-liberta’ tal-media u jheddu jew jattakkaw il-ġurnalisti.

Min-naħa tiegħu, fi stqarrija, l-ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa li mexxa ‘l quddiem il-ħolqien ta’ dan il-premju, qal li l-Ewropa għandha bżonn iktar Forbidden Stories għax id-dettalji li nkixfu fil-Proġett Pegasus u fil-Proġett Daphne jikkonfermaw ir-riskji li jinsabu fihom il-ġurnalisti, opinjonisti, is-soċjetà ċivili, politiċi u individwi oħra.