Barranin
Filmat: Magħrufa l-belt li se tospita l-Eurovision tas-sena d-dieħla

Il-Eurovision Song Contest tas-sena d-dieħla se jsir f’Turin, l-Italja.

Dan tħabbar b’mod uffiċjali mill-midja soċjali tal-festival, li qalet li Turin se tospita s-66 edizzjoni tal-Eurovision.

It-taqtiegħa kienet bejn Milan, Bologna, Rimini u Pesaro.

Turin intgħażlet peress li fi kliem l-organizzaturi tal-festival hija mgħammra sew biex il-Eurovision jittella’ b’suċċess kif ukoll il-għaliex hija belt aċċessibbli immens għall-pubbliku anki bl-ajru.

Din hija t-tielet darba li l-Eurovision Song Contest qed isir l-Italja. Fl-1965 kien sar f’Napli u fl-1991 kien ittella’ f’Ruma.

Skont rapporti, il-kantant Mika se jkun qed jippreżenta l-edizzjoni tal-Eurovision 2022.

Il-Eurovision ta’ din is-sena, li ttella’ f’Rotterdam l-Olanda ntrebaħ mill-grupp mużikali Taljan Måneskin bil-kanzunetta ‘Zitti E Buoni’. Grupp rock t’erba’ min-nies, li seraq il-qlub ta’ diversi fost l-oħrajn minħabba l-ħakma eċċellenti tal-palk li tikkaratterizzah.