Lokali
Maġistrat titlob bidla fil-liġi biex ħwienet jroddu huma l-flus ta’ xirjiet li jsiru b’cards li ma jkunux tax-xerrej

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech issuġġeriet lill-awtoritajiet biex jibdlu l-liġi biex ħwienet li jaqbdu u jaċċettaw karti tal-kreditu għal xiri ta’ prodotti mingħajr ma jivverfikaw ta’ min verament hi, ikollhom il-liċenzja tagħhom sospiża jew revokata u anke mġiegħlha jroddu l-flus meħuda lill-persuni li fuqhom tkun inħarġet il-karta ta’ debitu jew kreditu.

Hija insistiet dwar dan fis-sentenza li fiha kkundannat għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin mara li użat il-‘credit card’ tal-anzjana li kienet tieħu ħsieb biex tagħmel diversi kapriċċi fosthom xiri ta’ karozza bl-‘extras’.

Fis-sentenza hija għamlitha ċara li tkun qed tonqos mid-doveri tagħha jekk ma tirrimarkax li l-ħwienet naqsu li jimxu mar-regoli tal-banek f’dak li għandu x’jaqsam ma’ użu ta’ ‘debit cards’.

“Dawk l-istabbilimenti li ppermettew li persuna terza b’isem u kunjom differenti mill-‘authorised holder’ ta’ ‘debit card’, naqsu serjament u wrew li kulma kien jinteressahom kien li jirreġistraw bejgħ; x’jimporta jekk it-tranżazzjoni kienet qed tippreġudika persuna oħra! Possibbli li l-ebda stabbiliment qatt ma vverifika jekk min kien qed jiffirma kinitx l-‘authorised holder’ li l-firma tiegħu tidher fuq wara tal-‘card’? Possibbli ma rawx li anke l-kunjom kien differenti?”.

Il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li dan l-għemil m’għandux jiġi ttollerat u kien hawn li saħqet li sabiex jinqata’ dan l-abbuż, l-awtoritajiet kellhom jikkunsidraw serjament jekk wasalx iż-żmien li f’każ ta’ stabbilimenti li jaċċettaw flejjes minn kontijiet ta’ terzi għandhomx ikunu sanzjonati mhux biss b’pieni iżda b’sospensjoni jew revoka ta’ liċenzja biex joperaw in-negozju u jirrifondu l-flejjes lill-‘card holder’.

“Meta l-pajjiż tagħna qed ifittex kif aktar jirregola s-settur finanzjarju b’qafas leġislattiv intiż biex jiġġieled il-ħasil ta’ flus u reati finanzjarji oħra, irid jiġi assigurat li prattiċi abbużivi minn negozji li jxejnu l-isforzi tal-awtoritajiet għal aktar regolamentazzjoni f’dan il-qasam, jinħtieġ li jiġu daqstant ieħor missielta b’determinazzjoni u fermezza”.

Hija żiedet li min-naħa tagħhom il-banek għandhom jikkunsidraw x’miżuri jistgħu jieħdu biex persuni vulnerabbli jħaddmu flushom b’aktar sigurtà waqt li tibqa’ rispettata l-awtonomija tagħhom.

“Aktar ma jgħaddi żmien sfortunatament qed nirriskontraw aktar każijiet ta’ l’hekk imsejħa ‘elderly financial exploitation’ jew ‘elder financial abuse and fraud’. Miżuri bħall-użu  ta’ ‘prepaid debit cards’ u skrutinju ta’ tranżazzjonijiet biex jiġi assigurat li l-użu ta’ card’  partikolari hu konsonanti u konsistenti mal-istil tal-ħajja tal-‘card holder’, għandhom jibdew jingħataw aktar importanza hekk kif rapporti dejjem jiżdiedu dwar anzjani u persuni vulnerabbli li jiġu misruqa, iffrodati u mċaħħda minn dak li tul ħajjithom ikunu ħaddmu qatiegħ għalih!”

Hija rrimarkat li l-bank innifsu, anke b’miżati apposta għal tali servizz, jista’ jkun strumentali biex jipproteġi klijenti tiegħu minn persuni bla skruplu u malli jidentifika tranżazzjonijiet suspettużi, anke bl-assistenza tal-Pulizija u fejn meħtieġ tal-Active Ageing and Community Care Directorate, għandu jiġi mgħarraf u mitkellem il-klijent.

Il-Maġistrat ġibdet l-attenzjoni dwar din is-sentenza lill-Ministru għall-Ġustizzja, lill-Ministru għall-Anzjani u Anzjanità Attiva, lill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), lill-Malta Critical Infrastructure Protection Directorate u lill-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU).