Storja
Magna ta’ ajruplan tal-gwerra rkurprata minn qiegħ il-baħar fil-Port il-Kbir

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati.

Il-magna tal-ajruplan, aktarx tat-tip Sunderland – tar-Royal Air Force jew tal-Fleet Air Arm – ittellgħet minn madwar 55 metru f’qiegħ il-baħar wara diversi tentattivi.

Tiżen man-nofs tunnellata u ħtieġet sistema ta’ air-bags biex ittellgħet fil-wiċċ, u krejn jew tnejn ta’ patrol boat biex ittellgħet fuq il-gverta ta’ bastiment tal-Forzi Armati. B’hekk setgħet titqiegħed fix-xatt għall-ewwel darba wara tliet kwarti ta’ seklu.

Hija magna ta’ ajruplan tat-tip Sunderland, ajruplan li aktarx kien parti mid-difiża ta’ Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija. U li nstabet madwar mil ‘il barra mill-bokka tal-Port il-Kbir.

“Wara ġimgħat sħaħ ta’ ppjanar, wara 14-il siegħa fuq il-baħar, il-magna bil-propellor għadu intatt, ittellgħet fuq il-bastiment P62 tal-Forzi Armati Maltin.”

L-Arkeologu Timmy Gambin kien ilu erba’ snin li identifikaha f’qiegħ il-baħar. “Din il-magna nstabet bħala parti mill-proġett tal-Università ta’ Malta, fejn nagħmlu survey tal-ibħra u kienet waħda mit-targets li identifikajna bħala targets ta’ interess.”

”Kienet sfida kbira għax kien hemm ħafna mill-magna u propellor fil-ħama,” spejga Gambin. “Fond ta’ 55 metru jiġifieri stajna ndumu mhux ħażin, imma mhux wisq, kellna niftħu l-ħama biex inkunu nistgħu ntellgħuha. Kienet sfida kbira.”

Wara dawk is-snin kollha fil-baħar l-istruttura tal-magna taf tieħu xokk. Il-proċess ta’ konservazzjoni beda mill-ewwel u kif spjega x-xjentist ta’ Heritage Malta, Matthew Grima, dan jaf jieħu xhur jekk mhux is-snin.

”Oġġett bħal dan pjuttost kumpless peress li hu magħmul minn ħafna ħadid differenti possibilment. Allura xogħlna se jkun li nidentifikaw dan il-ħadid kollu u naqsmuh fi gruppi skont il-kompożizzjoni tagħhom u ovvjament dan il-ħadid sofra peress li kien fil-baħar u daħal il-melħ fih. Permezz ta’ trattament speċifiku, li hu differenti skont it-tip differenti ta’ ħadid li hemm, irridu nerġgħu noħorġu dak il-melħ minn gol-ħadid,” qal Grima.

Il-ħidma kollha kienet segwita sal-iċken dettall mill-uffiċjal tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali Kurt Farrugia. “Is-Sovrintendenza qiegħda hawn biex tassigura li x-xogħol li se jsir, jiġifieri jittella’ l-oġġetta storiku, il-konservazzjoni tiegħu kif ukoll l-esebizzjoni tiegħu għall-pubbliku, isir skont pjan maqbul bejn HM u s-Sovrintendenza.”

Filwaqt li l-magna nstabet mill-Università ta’ Malta, id-deċizjoni biex din tittella’ ttieħdet minn taqsima ġdida fi ħdan Heritage Malta li tieħu ħsieb il-wirt storiku ta’ qiegħ il-baħar u li twaqqfet riċentement bil-Ministru responsabbli mill-Kultura Owen Bonnici jsostni li din kienet meħtieġa biex tħares il-wirt storiku imprezzabbli li jeżisti fil-baħar madwar il-gżejjer Maltin.

Aħbarijiet Oħra
Droga

L-Aġenziji li jaħdmu mal-vittmi tad-droga fosthom is-Sedqa u l-Caritas huma tal-fehma li l-użu rikreattiv tal-kannabis m’għandux ikun promoss għax ikattar il-kultura favur l-abbuż tad-droga. Din il-fehma intweriet waqt il-programm Dissett…

Partit Nazzjonalista

Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Kristy Debono qalet fi stqarrija li sabet li 84 mill-200 firma fil-petizzjoni li titlob biex jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali biex jiddiskuti l-ġejjieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista huma…

Lokali

Ta’ tnax-il sena sofriet diżabilità minħabba mard u wara ħafna snin ta’ żwieġ kellha tifel bil-kundizzjoni down syndrome. Minkejja l-isfidi, Lorraine Pellicano tgħid li Thomas berkilha ħajjitha u ħerqana li…

Lokali

Meqjusa fost l-ewwel tobba f’Malta li bdiet taħdem bla heda mal-vittmi tad-droga, ħidmet it-tabiba Maria Sciberras tfakkret f’konferenza f’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tal-Aġenzija Sedqa u fil-jum internazzjonali kontra l-abbuż u…

Aktar