Lokali
“Magnificat”- oratorju mill-pinna tal-Isqof Nikol Cauchi

L-Isqof ta’ Għawdex, Nikol Cauchi, kien magħruf għal kelma tajba li kellu iżda daqstant ieħor kellu wkoll pinna tajba li biha ħalla b’wirt bosta xogħlijiet fosthom letterarji. Il-parroċċa ta’ raħal twelidu, l-Għarb, fil-ġimgħa tal-festa se tippreżenta wieħed mill-aħħar xogħlijiet letterarji li kiteb, u li għandu rabta speċjali mal-istess lokalità.

Waħda mill-aħħar kitbiet letterarji li ħarġu mill-pinna tal-Isqof ta’ Għawdex Nikol Cauchi kien l-oratorju “Magnificat”, li kiteb fl-2009, sena qabel ma’ miet. Il-parroċċa ta’ raħal twelidu, l-Għarb, ħadet l-inizjattiva li tinkariga lil Maestro Antoine Mercieca biex jikkomponi l-mużika għal din l-opra letterarja u issa se tippreżentaha lill-pubbliku.

L-Arċipriet tal-Għarb, Monsinjur Trevor Sultana, qal li kif jindika l-isem tal-oratorju dan hu msejjes fuq iż-żjara tal-Madonna lil Eliżabetta, meta l-Madonna lissnet il-Magnificat li hu innu ta’ tifħir lil Alla.

“Hija forma ta’ poeżija bi djalogi ma’ diversi personaġġi li għandha bħala ċentru tagħha l-figura tal-Verġni Marija, l-ewwel imħabbra fl-Antik Testment, sa mill-ħolqien tal-bniedem, u mbagħad fil-Ġdid Testment narawha preżenti fil-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben t’Alla. Hemm enfasi speċjali fuq il-ġrajja tal-Viżitazzjoni li hija proprju l-festa titulari ta’ din il-parroċċa, qal Mons. Sultana.

L-oratorju se jittella’ fis-26 ta’ Ġunju, fil-bidu tal-ġimgħa li matulha l-Għarb jiċċelebra l-festa. Mal-Kor Ħebron se jingħaqdu s-sopran Miriam Cauchi, it-tenur Charles Vincenti, il-baritonu Louis Cassar u l-mezzo-sopran May Caruana.

“Jiena konvint li din il-produzzjoni se sservi mhux biss bħala riflessjoni fuq il-ħajja tal-Verġni Marija imma wkoll ta’ għarfien iktar mill-qrib tal-ħila letterarja li kellu l-Isqof Nikol Cauchi, iben din il-komunita’ tal-Għarb,” qal Mons. Sultana.

L-oratorju qed jittella’ fis-sena li l-parroċċa tal-Għarb qed tfakkar il-50 anniversarju minn meta l-knisja tal-lokalità ġiet mogħtija d-dinjità ta’ Bażilika minuri.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Ilhom snin twal ikerrħu l-ambjent f’ċerti inħawi, iżda huma meħtieġa biex jitwassal servizz essenzjali: l-elettriku. Qed nirreferu għal arbli fil-kampanja b’cables imdendla magħhom. Li fihom tajjeb hu li jista’ jasal…

Lokali

Il-midja Taljana qed tkompli tirrapporta bi prominenza l-arrest ta’ Darren Debono ta’ 43 sena, li nqabad f’lukanda f’Lampedusa wara li kien imfittex b’rabta ma’ kuntrabandu tal-fjuwil mil-Libja. Debono, li kien…

Lokali

Jonathan Felice intbagħat disa’ snin ħabs wara li tilef l-appell b’rabta ma’ serqa bil-vjolenza li seħħet f’Ġunju 2006, meta huwa kien għad kellu 17-il sena. Dak iż-żmien anzjana ta’ 81…

Lokali

Il-Gvern ħabbar id-dettalji tar-rigal ta’ €1 miljun li se jkun offrut lil min jikxef informazzjoni konkreta li twassal biex ikun solvut il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fi stqarrija l-Gvern qal…

Aktar