Qorti
Se jinħatru 3 imħallfin u 3 maġistrati ġodda

Il-Kabinett tal-Ministri approva l-ħatra ta’ sitt membri ġodda fil-Ġudikatura: tliet imħallfin u tliet maġistrati. Kull isem ġie approvat mill-Kumitat tal-Għażla tal-Ġudikanti skont kif trid il-Kostituzzjoni.  B’hekk, l-ammont ta’ imħallfin se jkun ta’ 24 waqt li l-ammont ta’ maġistrati se jibqa’ dak ta’ 22.

Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru tal-Ġustizzja ntqal li l-ammont ta’ imħallfin żdied bi 2 filwaqt li l-ammont ta’ maġistrati żdied bi 2 u b’hekk din iż-żieda qed tgħin biex jiġi assigurat servizz aħjar għaċ-ċittadini li jirrikorru l-Qorti u tagħti possibilità għal iktar speċjalizzazzjoni fost il-Ġudikatura.

L-imħallfin il-ġodda se jkunu l-Imħallef Francesco Depasquale, l-Imħallef Joanne Vella Cuschieri u l-Imħallef Aaron Bugeja. Il-maġistrati l-ġodda se jkunu Dr Nadine Lia, Dr Victor Axiak u Dr Bridget Sultana.  B’dawn il-ħatriet il-ġodda l-ammont ta’ nisa fil-ġudikatura huwa ta’ 53%.

IMĦALLFIN ĠODDA

Dr Francesco Depasquale

Dr Depasquale laħaq avukat fl-1995 u segwa l-istudji tiegħu b’Masters fil-Liġi Marittima b’distinction mill-International Maritime Law Institute fi ħdan l-IMO.

Meta kien student huwa kien attiv kemm fi ħdan l-Għaqda Studenti tal-Liġi, il-European Law Students Association u l-Kunsill Studenti Universitarji.

Huwa serva fil-Malta Maritime Law Association u fil-Kamra tal-Avukati.

Huwa nħatar maġistrat fl-2011 u sena wara ġie elett Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin u Maġistrati ta’ Malta.

Dr Depasquale ilu sa mill-2007 jirrappreżenta lil pajjiżna fuq l-Assoċjazzjoni Ewropea dwar l-Effiċjenza fil-Ġustizzja (CEPEJ) fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa.

Huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal.

Dr Joanne Vella Cuschieri

Dr Vella Cuschieri laħqet avukat fl-2001 u kompliet l-istudji tagħha b’Magister Juris fid-dritt Ewropew.

Hija ħadmet bħala avukat fil-prattika privata u bħala konsulenta legali dwar il-liġijiet tax-xogħol u tal-ippjanar. Serviet ukoll fuq il-Qorti tal-Konċiljazzjoni u l-Arbitraġġ fi ħdan l-OSCE.

Dr Vella Cuschieri laħqet maġistrat fl-2014 fejn serviet estensivament fil-Qorti ta’ Għawdex.

Hija miżżewġa u għandha tlett itfal.

Dr Aaron Bugeja

Dr Aaron Bugeja laħaq avukat fl-1995 u segwa l-istudji tiegħu b’M.A. fil-Liġi fl-2012.

Wara karriera fil-prattika privata, huwa ħadem bħala prosekutur fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali (2006-2013) sa ma nħatar maġistrat fl-14 ta’ Lulju 2013.

Huwa ilu sa minn Ottubru tal-2007 jgħallem il-proċedura kriminali fi ħdan l-Università ta’ Malta bħala senior visiting lecturer. Huwa rrappreżenta lil pajjiżna f’diversi strutturi internazzjonali marbuta mad-dritt penali.

Huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal.

MAĠISTRATI ĠODDA

Dr Nadine Lia

Dr Nadine Lia laħqet avukat fl-2004 u sentejn wara saret ukoll barrister fil-ġurisdizzjonijiet tal-Ingilterra u Wales.

Wara li ħadmet għal xi żmien bħala membru tal-korp diplomatiku, hija ħadmet bħala barrister ma’ Middle Temple Inn ta’ Londra.

Hija studjat fl-Università ta’ Malta, fl-Università ta’ Western Ontario l-Kanada u fl-Università ta’ Canterbury f’Kent, il-Gran Brittanja.

Wara, ħadmet fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ta’ Malta bħala prosekutur u imbagħad bħala avukat fil-prattika privata fejn anke tat konsulenza fuq il-liġi tan-negozji tal-familja.

Dr Lia tgħallem il-liġi fi ħdan il-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta u ngħatat diversi rikonoxximenti internazzjonali għax-xogħol tagħha.

Hija miżżewġa u għandha żewġt itfal.

Dr Victor Axiak

Dr Axiak laħaq avukat fl-2005 u kompla l-istudji tiegħu fil-kamp tat-taxxa mal-Istitut Malti dwar it-Tassazzjoni.

Huwa ħadem fil-prattika privata fuq oqsma marbuta mal-liġi kummerċjali u dik ċivili.

Serva għal diversi snin bħala konsulent legali tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni u dak li kien magħruf bħala d-Dipartiment tal-Artijiet. Huwa ħadem ukoll estensivament fil-kamp tal-liġi tal-immigrazzjoni.

Dr Axiak huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal.

Dr Bridgette Sultana

Dr Sultana laħqet avukat fl-1995.

Hija għamlet karriera twila fis-Servizz Pubbliku bħala avukat fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u llum tokkupa l-kariga ta’ direttur responsabbli mis-servizzi legali f’dan il-ministeru fejn ħadmet estensivament fl-aspetti legali tal-kamp tal-mediċina.

Studjat l-Università ta’ Malta u kompliet l-istudji tagħha b’M.A. mill-Università ta’ Cardiff.

Hija segwiet ukoll b’suċċess korsijiet u programmi fl-Università ta’ Rotterdam u l-Università ta’ Harvard.

Dr Sultana hija miżżewġa u għandha żewġt itfal.

Ir-reazzjoni ta’ Repubblika MT

Il-grupp Repubblika MT talab lill-Qorti biex twaqqaf dawn il-ħatriet u talab li dil-kawża tkun trattata b’urġenza. Assistit mill-avukat Jason Azzopardi u Simon Busuttil, il-grupp qal li l-Gvern għandu jieħu l-pariri tal-esperti tal-Kummissjoni Venezja u jipproni riformi Kostituzzjonali li jassiguraw li l-ġudikanti ġodda jintgħażlu b’dik is-sistema fl-interess tad-demokrazija u l-indipendenza tal-ġudikatura.

Id-deċiżjoni tal-Qorti

Aktar tard wara nofsinhar, il-Qorti, ippreseduta mill-Imhallef Mark Chetcuti, ċaħad it-talba li saret mill-grupp Repubblika MT wara r-rikors li ġie ppreżentat filgħodu.  Infatti, iċ-ċerimonja tal-ħatra mistennija ssir għall-ħabta tat-3pm.

Aħbarijiet Oħra
Festi

Dħalna Ħal Luqa fis-skiet li s-soltu ma jkunx qed jiddomina fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta’ Lulju – il-festa tal-patrun Sant Andrija. Ittawwalna wkoll fil-parroċċa dedikata lil dan il-qaddis, li bħal- lum…

Mużika

Il-Valletta Waterfront qed tospita mumenti ċinematiċi u mużikali għall-festival tas-Sajf li qed issir b’kollaborazzjoni mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta f’wieħed mill-ewwel festivals kulturali live wara l-waqfa tal-Covid-19. Fl-isfond tax-xenarju mill-isbaħ tal-fortifikazzjonijiet…

Temp

L-uffiċċju meterjoloġiku qed ibassar riħ qawwi mill-Majjistral f’xi waqtiet fuq l-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin. Il-qawwa tar-riħ mistennija tilħaq il-forza 6 minkejja li llum t-temp mistenni jibqa’ sabiħ. Din it-twissija…

Politika

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo esprima t-tħassib tiegħu dwar it-tensjoni fil-Lvant tal-Mediterran. Waqt laqgħa mal-Ministru tad-Difiża Tork, Hulusu Akar, il-Ministru Bartolo appella għall-kalma, it-tfittxija ghall-kompromess u l-ġid komuni fit-tilwim bejn…

Aktar