Sport
Maħżen għall-klabb tar-regatta ta’ Birżebbuġa

Il-klabb tar-regatta ta’ Birżebbuġa ngħata maħżen fix-Xatt tal-Belt fejn ipoġġi d-dgħajjes u minn fejn jopera u jħarreġ lill-qaddiefa. Dan wara li SportMalta trasferiet maħzen f’Barriera Wharf lill-klabb għal 45 sena. Il-klabb irid iħallas ċens issussidjat ta’ €1,000 fis-sena.

Il-President tal-klabb Ian Farrugia qal li fl-imgħoddi l-klabb waqaf jopera għax ma kellux proprjetà minn fejn iwettaq il-ħidma tiegħu u esprima sodisfazzjon li l-ħolma tal-Birżebbuġin, saret realtà. Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil qal li bil-pandemija anki l-isport tar-Regatta qala’ daqqa, iżda SportMalta xorta baqgħet taħdem biex isostnih.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li Gvern jibqa’ impenjat jagħti l-għodod lill-klabbs sportivi biex irawwmu fit-tfal l-imħabba għall-isport u jżommuhom bogħod mill-vizzji. Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li l-isports huwa kontributur għal kwalità ta’ ħajja aħjar u għalhekk din is-sena l-Gvern qed jiddedika €13 miljun f’investiment fl-isport.