Saħħa
Mal-100 każ ġdid tal-kanċer tal-ġilda fis-sena f’Malta

Fuq l-għatba tas-sajf, id-Dipartiment tad-Dermatoloġija fl-Isptar Boffa flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa tenna t-twissijiet tiegħu dwar il-periklu għas-saħħa mir-raġġi qawwija tax-xemx. Iċ-Chairman tad-Dipartiment Dr Lawrence Scerri qal li f’Malta kull sena qed jidħlu mal-mitt każ ġdid ta’ kanċer tal-ġilda magħrufa bħala melanoma u r-rata tal-imwiet bih tvarja bejn 8 u 9% fis-sena. Dr Scerri qal li minkejja l-kampanji għall-prevenzjoni tal-melanoma, iħoss dieqa meta jara tant nies jixxemxu b’riskju għal saħħithom.

Minkejja l-kampanji edukattivi dwar il-periklu tal-kanċer tal-ġilda ikkawżat mix-xemx, kull sena l-awtoritajiet tas-saħħa f’ Malta qed ikollhom mal-mitt każ ġdid fis-sena u madwar disa’ mwiet kaġun ta’ dan il-kanċer li jista’ jiġi evitat.

Il-Kap tad-Dipartiment tad-Dermatoloġija Dr Lawrence Scerri qal li f’għoxrin sena, il-każi tal-melanoma żdiedu b’67%. Dr Scerri qal li spiss l-pazjent idum ħafna biex jiċċekkja tebgħat partikolari fil-ġilda jew għazez li huma l-ewwel sintomi ta’ dan il-kanċer. Saħaq li l-ewwel pass iżda għandu jkun il-prevenzjoni billi wieħed jevita r-raġġi qawwija tax-xemx l-aktar fis-sajf.

Dr Michael Boffa spjega li mhux kull tebgħa jew għazza fil-ġilda tindika problema, iżda appella biex dawn is-sinjali fil-ġilda jiġu eżaminati b’appuntament mal-professjonisti fl-isptar. Huwa saħaq li r-raġġi tax-xemx jagħmlu ħafna ħsara u appella biex wieħed jevita x-xemx, u fejn hi inevitabbli wieħed jilbes kpiepel u ħwejjeġ u juża kremi apposta kontra r-raġġi UV.

Id-Direttur tad-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa, Dr Paula Vassallo wissiet lil dawk li jħobbu jixxemxu biex jifmhu li qegħdin jipperikolaw ħajjithom.  Stqarret li l-ġilda esposta għax-xemx, titkemmex u tikrieh. Dr Vassallo qalet li fis-sitta ta’ Mejju, l-isptar Boffa se jagħmel ġurnata ta’ screening għall-pubbliku, fejn il-professjonisti se jwieġbu mistoqsijiet fuq is-saħħa tal-ġilda.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Instab post alternattiv biex id-detox ma jibqax fejn l-isptar San Luqa fi G’Mangia. Dan ġie konfermat mill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti li madankollu ma tax dettalji tal-post…

Kronaka

Ir-raġel li lbieraħ il-Pulizija ppubblikaw ritratti tiegħu qed ikun imfittex b’rabta ma’ serqa li seħħet ix-xahar illi għadda f’Tas-Sliema. Il-Pulizija talbet l-għajnuna tal-pubbliku biex issib lil dan ir-raġel. Minn stħarriġ…

Saħħa

Kollaborazzjoni bejn kumpanija fil-qasam tal-farmakoloġija li tinsab ibbażata f’Malta u riċerkatur Taljan qed twassal għal iżjed riċerka fit-terapija għall-kanċer. Din ir-riċerka hi ibbażata fuq sustanti meħuda minn pjanti mediterranji. Il-Professur…

Aktar