Barranin
Mal-120 mejta fil-Punent tal-Ewropa minħabba l-għargħar

Mill-inqas 120 persuna mietu u mijiet oħra għadhom mitlufa wara li maltemp qawwi u għargħar laqat il-Punent tal-Ewropa f’dak li qed jitqies l-agħar għargħar fl-aħħar għexieren ta’ snin. Fil-Ġermanja eluf ta’ nies spiċċaw bla dawl u mijiet kellhom jiġu evakwati minn djarhom. Fil-Belġju wkoll il-maltemp qed jolqot diversi partijiet tal-pajjiż u s-sistemi tat-trasport f’ċertu zoni mhumiex jaħdmu.

Ikompli tiela’ l-għadd ta’ mejtin fil-Ġermanja u fil-Belġju kawża tal-maltemp u l-għargħar. 1,300 persuna għadhom rappurtati nieqsa fil-Punent tal-Ewropa. L-Olanda, il-Lussemburgu u l-Isvizzera wkoll ntlaqtu mill-maltemp. L-ammont rekord ta’ xita li niżlet wassal biex ħafna xmajjar faru u ħolqu ħsara kbira. Fil-Ġermanja l-ammont ta’ mejta qabeż il-100 u dan wassal lill-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel issejjaħ għal ġlieda iżjed determinata kontra l-bdil fil-klima.

L-armata Ġermaniża bagħtet 700 suldat biex jgħinu fil-postijiet milquta. F’uħud miz-zoni r-residenti kellhom jiġu evakwati minn ħelikopters.

Il-President tan-North Rhine Westphalia, Armin Laschet qal li l-biżà tiegħu hi li se jkun hemm iktar vittmi ta’ dik li sejjaħ waħda mill-agħar katastrofi fil-Ġermanja fl-aħħar għexieren ta’ snin. Il-Ġimgħa, iżjed minn 114,000 dar fil-Ġermanja kienet mingħajr dawl u n-networks tal-mowbajl ma kinux qed jaħdmu, u dan wassal biex familji u ħbieb ma setgħux jikkuntattjaw lil xulxin biex jaraw humhiex siguri.

L-għargħar ikkawżaw ħsarat kbar fi sptar f’Ahrweiler. Il-pazjenti kellhom jiġu evakwati u jingħataw kura fi sptarijiet oħra.

Il-maltemp fil-Belġju wassal biex fil-belt ta’ Liege twaqqaf ċentru ta’ rispons għall-kriżi li nħolqot wara li għadd ta’ nies spiċċaw ma jistgħux jidħlu fi djarhom minħabba l-għargħar. Iċ-ċentru qed jilqa’ 1,000 persuna, bejn wieħed u ieħor 250 familja. Fil-Belġju qabżu 22 l-għadd ta’ nies li mietu u f’Liege biss l-għargħar ħalla 6 mejta u s-sitwazzjoni mistennija tmur għall-agħar minħabba li l-livell tal-ilma se jibqa’ jogħla.

Fil-Belġju wkoll, residenti fil-belt ta’ Pepinster ġew evakwati fuq trakk kbir hekk kif l-għargħar ikkawża ħsarat kbar f’għaxart idjar. L-għargħar u x-xita ħolqu taħwid kbir fis-sistema tat-trasport pubbliku, bil-ferroviji kollha kellhom jieqfu f’din iż-żona tal-Belġju. Fil-fatt, l-operatur tal-ferroviji, Infrabel ippubblika ritratti li juru ferrovija li ħarġet barra mil-linji fil-provinċja ta’ Namur wara xita qawwija. Rapporti qed jgħidu li x-xogħlijiet fejn saret ħsara fil-linji tal-ferroviji jistgħu jdumu ġimgħat biex jitlestew.