Għawdex
Mal-200 ruħ jinqabdu fil-Port taċ-Ċirkewwa jipprovaw jaqsmu lejn Għawdex

L-ivvjaġġar minn u lejn Għawdex ilu 33 ġurnata limitat għal min hu residenti jew se jivvjaġġa minħabba xogħol.

Skont ċifri li kiseb Television Malta, ħafna qed josservaw ir-restrizzjonijiet iżda fil-ġimgħa tal-Għid il-Kbir kien hemm madwar mitejn passiġġier u aktar minn mitt vettura li ma tħallewx jivvjaġġaw lejn Għawdex mill-uffiċjali Gozo Channel. Fl-istess perjodu kien hemm ftit oħrajn li twaqqfu fil-moll tal-Imġarr għall-istess raġunijiet.

TVM mar Għawdex u nnota l-effetti tar-restrizzjonijiet fuq il-ħajja f’din il-gżira.

Il-pandemija biddlet ir-rutina ta’ kważi kulħadd u r-restrizzjonijiet għat-trażżin tal-imxija wasslu għal rutina aktar kajmana f’kull belt u raħal.

F’Għawdex, il-ħemda bħal donnu tinħass mill-moll taċ-Ċirkewwa. Fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat li s-soltu tkun qed tbaqbaq bl-attività, sibniha bi ftit anzjani li fi gruppi ta’ tnejn jgħidu kelma ma’ xulxin biex fi kliemhom jhedew ftit.

“L-ivvjaġġar lejn Għawdex mhux essenzjali ġie pprojbit kollu mill-11 ta’ Marzu li għadda, minkejja dan kien hemm min speċjalment fil-ġimgħa tal-Għid il-Kbir li pprova jinjora r-restrizzjonijiet u jiġi lejn Għawdex, ċifri tal-Gozo Channel juru li kien hemm mal-mitejn persuna u aktar minn 100 vettura li ppruvaw jaqsmu miċ-Ċirkewwa lejn Għawdex”

Iċ-Chairperson tal-Gozo Channel qal “għalkemm il-maġġoranza tal-pubbliku kkopera mar-regolamenti li ħareġ id-Dipartiment tas-Saħħa, kien hemm xi wħud li ppruvaw jaqsmu mingħajr raġuni valida u l-kumpanija kellha terġa’ tibagħthom lura”

Fl-istess perjodu, jiġifieri bejn it-30 ta’ Marzu u l-4 ta’ April kien hemm 32 passiġġier u 13-il vettura li twaqqfu fil-Port tal-Imġarr milli jivvjaġġaw lejn Malta għalxejn b’xejn. Is-Sur Cordina qal li l-impatt finanzjarju fuq il-Gozo Channel hu kbir ħafna.

“Dawn ir-restrizzjonijiet qed jiswew lill-kumpanija eluf kbar ta’ ewro u għalhekk kemm aħna u l-pubbliku ejja naħdmu ħalli negħlbuha kemm jista’ jkun malajr”

F’kummenti lil Television Malta, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri wera apprezzament għall-impenn li qed juru l-ħaddiema involuti fl-infurzar u ħeġġeġ għall-koperazzjoni minn kulħadd biex jittieħdu l-prewkazzjonijiet kollha meħtieġa skont il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.