Edukazzjoni
Mal-200 student jingħataw b’€6.5 miljun f’self mill-Bank Malti għall-Iżvilupp

Permezz tal-iskema tal-Bank Malti għall-Iżvilupp “Further Studies Made Affordable” mal-200 student ingħataw self b’rati kompettivi li flimkien ilaħħqu mas-€6.5 miljun.

Television Malta tkellem ma’ uħud mill-istudenti li komplew l-istudji tagħhom bil-livell ta’ Masters grazzi għas-self li ingħataw minn din l-iskema.

L-istudenti jistgħu jibbenefikaw minn sussidju fuq il-pagamenti kollha tal-imgħax fuq is-self matul il-perjodu ta’ moratorju u sussegwentement b’rata tal-imgħax attraenti.

Barra minn dan il-bank qiegħed joffri garanzija ta’ 80% ipprovduta biex l-istudent ma jkollux għalfejn iħallas qabel jibda l-kors.

Neil Smart Costantino, wieħed mill-200 student li bbenefika minn din l-iskema fl-aħħar sentejn, qal li kieku ma kienx għal din l-iskema ma kienx ikun jista’ jkompli bl-istudji tiegħu fil-livell ta’ Masters fl-Universita ta’ Cardiff fir-Renju Unit.

“Sibt din il-‘loan’ bl-għajnuna tal-Malta Development Bank u ssaportjawni ħafna anke l-proċess biex applikajt u anki meta kont għadej bl-istudju meta kien hemm bżonn xi ħlasijiet dejjem sibt il-proċess faċli u ‘straight forward’. Tista’ tgħid li dejjem sibt l-għajnuna tagħhom u mingħajr din il-‘loan’ tista’ tgħid li żgur ma kontx ħa mmur biex nagħmel dawn l-istudji”.

Nicole Cassar, li lestiet il-Masters tagħha fil-‘blockchain’ mill-Universita ta’ Malta, qalet li b’din l-iskema setgħet tibqa’ għaddejja bl-istudji tagħha mingħajr waqfien.

“Meta tkun għadek student u tkun għadek żgħir u tiġi biex tieħu ‘loan’ mingħajr impjieg fiss u mingħajr l-ebda tip ta’ evidenza li ħa jkollok ‘income’ biex ser tkun tista’ tħallas il-‘loan’ hija diffiċli ħafna. Il-Malta Development Bank l-iskema tagħhom tgħinek biex tagħmel dan, inti waqt li qed tistudja, l-imgħax tal-‘loan’ iħallsu l-MDB, imbagħad tieħu r-responsabilita inti”.

Iż-żewġ gradwati qalu li l-esperjenza li ħadu mill-istudji tagħhom għenithom kemm fuq livell personali kif ukoll dak professjonali.

Smart Costantino żied li tesperjeza modi ġodda ta’ kif titgħallem aparti l-kontenut iniffsu u tara perspettivi differenti.

“Forsi inti f’ħajtek xi ħaġa li dejjem ħarist lejha b’ċertu mod, tisma’ lil xi ħadd ġej mis-South America li jitkellem fuqha kompletmetnt differenti minnek u tgħid ‘mhux li inti għandek raġun u hu m’għandux’, qisek ‘you bridge a gap’, u titgħallem minnu dak il-persuna u dik xi ħaġa li nħoss li għenitni ħafna”.

L-iskema għandha fond li jlaħħaq it-€8 miljun bi €3miljun minnhom ġew allokati mill-UE. L-iskema qiegħda tiġi ffaċilitatat mill-Bank of Valletta.