Lokali
Mal-3,000 siġra mħawwla fil-Buskett f’proġett ta’ restawr estensiv

Il-Buskett ingħata nifs ġdid wara restawr estensiv u twaħħil ta’ iktar siġar li saru bis-saħħa ta’ proġett li kien ilu għaddej tliet snin ghħar-riġenerazzjoni tal-Buskett. Il-proġett li sewa ftit inqas minn tliet miljun ewro kien finanzjat mill-programm life plus tal-Unjoni Ewropea.

Minn Lulju 2013 sal-lum saru xogħlijiet estensivi ta’ riġenerazzjoni fil-Buskett. Il-proġett Life Saving Buskett, li sar b’investiment ta’ kważi tliet miljun ewro, kien nofsu iffinanzjat mill-programm ta’ fondi tal-EU Life plus. Il-proġett ta nifs ġdid lil dan l-akbar masġar li jaf il-bidu tiegħu fi żmien il-Kavallieri.

Il-Manaġer tal-Proġett, Mark Causon spjega li kien importanti li jitnaddaf il-wied minħabba li huwa l-post fejn hemm iż-żrinġ Malti u jekk l-ilma jkun imniġġeż dan jista’ jintilef. Sar ukoll restawr ta’ 49 arkata ta’ żmien il-Kavallieri.

”Ħawwilna 3,300 siġra li huma kollha siġar Maltin, filfatt iż-żerriegħa ġbarniha minn hawn u kabbarna s-siġar aħna stess. Għamilna 22,000 ħitan tas-sejjieħ biex b’hekk nipproteġu li l-ħamrija ma tibqax tintilef u ovvjament nitilfu s-siġar, naddafna l-wied il-għaliex kien hemm ħafna debris li niżel matul is-snin, kull meta jkun hemm xi maltempata dejjem jinżel il-materjal” qal Mark Causon.

Is-sur Causon qal li waqt li sar dax-xogħol, in-nies xorta setgħet tgawdijha s-sbuħija u l-arja friska tal-Buskett.
TVM staqsa lil Mark Causon jekk hemmx pjani biex issa li tlesta r-restawr, il-Buskett jinżamm fl-aqwa stat tiegħu.

”Aħna marbutin li for the next five years irridu nibqgħu nagħmlu l-maintenance, allura ovvjament irridu nżommu l-commitments tagħna u nisperaw li jkun hemm proġetti oħra fejn nistgħu nagħmlu iktar xogħlijiet fil-lokalità” qal Mark Causon.

Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, Jose’ Herrera, qal li l-proġett Life Saving Buskett kien suċċess. Qal li l-pajjiż għandu ekosistema unika u trid tkompli l-ħidma biex tkun protetta l-biodiversità. Dr Herrera qal li hu kuntent li l-ġenerazzjonijiet tal-lum huma ferm iżjed impenjati biex jieħdu ħsieb l-ambjent u qal li hu għalhekk li se jkunu f’pożizzjoni li jindukraw l-ambjent.